Silta mill-Omelija ta’ Papa Franġisku f’Ħadd il-Palm tal-2014
“ (…) Smajna r-rakkont tal-Passjoni tal-Mulej. Jagħmlilna tajjeb jekk nistaqsu: Jien min jien quddiem il-Mulej tiegħi? Jien min jien quddiem Ġesu’ li jidħol Ġerusalemm f’festa? Għandi l-qawwa nesprimi l-ferħ tiegħi u nfaħħru? Jien min jien, quddiem Ġesu’ li jbati?
Smajna ħafna ismijiet. Il-grupp tal-mexxejja, xi saċerdoti, xi fariżej, xi mgħallmin tal-liġi li kienu ddeċidew li jridu joqtluH. Jien bħal xi wieħed minnhom?
Smajna wkoll isem ieħor: Ġuda. 30 biċċa tal-fidda. Jien bħal Ġuda? Smajna ismijiet oħra: id-dixxipli li ma kienu qed jifhmu xejn; kienu reqdin waqt li l-Mulej kien qed ibati. Il-ħajja tiegħi hija rieqda? Jew jien bħad-dixxipli li ma kienux qed jifhmu x’jiġifieri tittradixxi lil Ġesu’? Bħad-dixxiplu l-ieħor li ried isolvi kollox bis-sejf: Jien bħalhom? Jien bħal Ġuda, li jagħmel ta’ bir-ruħu li jħobb u jbus l-Imgħallem biex jagħtih f’idejn l-għedewwa, biex jittradiH? Jien traditur? Jien bħal dawk il-mexxejja li bil-għaġġla waqqfu tribunal u fittxew xhieda foloz: jiena wieħed minnhom?
Jien bħal Pilatu? Meta nara li s-sitwazzjoni hi diffiċli, naħsel idejja u ma nerfax ir-responsabbilta’ tiegħi?
Jien bħal dik il-folla li ma kenitx taf jekk kenitx f’laqgħa reliġjuża, f’qorti jew f’xi spettaklu, u għażlet lil Barabba?
Jien bħas-suldati li sawtu lill-Mulej, beżqulu, insultawH u għaddew iż-żmien bih biex jumiljawH?
Jien bħaċ-Ċirinew li waqt li kien ġej lura mix-xogħol, għajjien, imma b’rieda tajba għin lill-Mulej jerfa’ s-salib?
Jien bħal dawk li kienu għaddejjin quddiem is-Salib u bdew jiddieħku b’Ġesu’: “Kien daqshekk kuraġġjuż! Ħa jinżel mis-salib, u aħna nemmnu fiH!”? Inwaqqa’ lil Ġesu’ għaċ-ċajt (…)?
Jien bħal dawk in-nisa kuraġġjużi, jew bħal Omm Ġesu’, li kienu hemm, ibatu fis-skiet?
Jien bħal Ġużeppi, id-dixxiplu li bil-moħbi u b’imħabba mar iġib il-ġisem ta’ Ġesu’ biex jidfnu?
Jien bħaż-żewġ Marijiet li baqgħu quddiem il-qabar jibku, jitolbu?
Jien bħal dawk il-kapijiet li l-għada marru għand Pilatu biex jgħidulu: “Dan qal li kien se jqum. Ara ma jseħħx xi ngann ieħor!” u jagħlqu l-qabar biex ikunu żguri li l-ħajja ma toħroġx ‘l barra?
Fejn hi qalbi? Lil min nixbah minn dawn kollha?
Jalla din il-mistoqsija takkumpanjana matul din il-ġimgħa kollha.”
Papa Franġisku
Be the first to comment