Nieħdu fuqna t-toqol kollu ta’ ħaddieħor

Meditazzjoni ta’ Chiara Lubich

Irridu nifhmu l-imħabba fl-aktar sens veru tagħha, bl-aktar mod ġust. Il-bniedem iħossu tassew maħbub minn ħaddieħor jekk dan jirnexxilu jagħmlu ferħan. Nifhmu mela li xi drabi ma tkunx imħabba vera, per eżempju meta nibqgħu nargumentaw, ikollna ċertu atteġġament, nintilfu f’affarijiet li ma jinteressawx lill-ieħor.

L-imġiba vera li tagħti tifsira ’l-kelma “imħabba”, “li tħobb”, hi li ssir ħaġa waħda mal-oħrajn, tgħinhom fil-bżonnijiet tagħhom, titgħabba bil-ħtiġiet tagħhom, kif ukoll bit-tbatija li għaddejjin minnha. Imbagħad jagħmel sens titma lil min hu bil-ġuħ, tisqi lil min hu bil-għatx, toffri parir u tagħti daqqa t’id.

Imma x’jiġri meta nġibu ruħna b’dan il mod? Jiġri li, meta taħseb ftit fuq il-problemi kbar li għandhom ħafna reġjuni tat-Tielet u r-Raba’ Dinja, magħkusin mill-miżerja, minn nuqqas ta’ djar, ilbies, xogħol, eċċ., tifhem li ma tistax tippretendi li dawn in-nies ħa joqogħdu jaħsbu, per eżempju, fuq li jfasslu kultura għalihom, jew li jgħollu l-ispirtu tagħhom ’il fuq biex jitolbu. L-ewwel jeħtieġ tara kif tagħmel biex tħaffilhom it-toqol tal-miżerja li qed tgħaffiġhom, imbagħad tkun tista’ taħseb ukoll għal dak li għandu x’jaqsam mal-bniedem: it-tagħlim, l-iżvilupp sħiħ tiegħu, eċċ.

L-istess ħaġa tiġri ma’ individwi li aħna nħobbuhom meta “nsiru ħaġa waħda magħhom”. Aħna, b’dan il-mod, neħilsuhom mit-toqol tagħhom li jkun qed jgħakkishom. Dawn jindunaw li aħna qed nitgħabbew bit-toqol tagħhom, u jħossuhom liberi.
Imma, meta jħossuhom mgħejjuna, liberi u meħlusa mill-inkwiet, huma jkunu lesti jilqgħu anki dak il-messaġġ ta’ mħabba u paċi li aħna nkunu nixtiequ nwasslulhom.

Huma jħossuhom miġbudin lejn din il-ħajja ġdida tal-Vanġelu li jsibu fina, ħajja li kull bniedem fil-fond ta’ qalbu hu għatxan għaliha. Dan għax minn dejjem kienet maħsuba minn Alla għall-ulied kollha tiegħu.

 

Meditazzjoni meħuda mill-ktieb “L-arti tal-imhabba”, Chiara Lubich, Ruma 2005.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.