Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin” (Ġw 13, 34).
Fl-aħħar Ċena, Ġesù kien imdawwar bid-dixxipli tiegħu u kien għadu kif ħaslilhom saqajhom. Wara ftit siegħat kienu se jiġu jarrestawh, jaqtgħuhielu għall-mewt u jsallbuh. Kif beda riesaq il-ħin biex itemm ħajtu hawn fostna, hu qal l-aktar kliem importanti u ħallielna t-“testment” tiegħu.
Il-Vanġelu ta’ San Ġwann ma jsemmix it-twaqqif tal-Ewkaristija, imma jirrakkonta l-ħasil tas-saqajn. U l-Kmandament il-Ġdid irridu nifhmuh f’dan id-dawl. Ġesù l-ewwel għex u mbagħad għallem, u għalhekk kliemu qalu b’setgħa.
Il-kmandament tal-imħabba tal-proxxmu kien ġa qiegħed fit-Testment il-Qadim: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Lev 19:18). Ġesù saħaq fuq aspett ġdid ta’ dan il-kmandament: ħobbu lil xulxin. Din hi dik l-imħabba li tibni u li biha tingħaraf il-komunità tad-dixxipli.
Hi għandha għeruqha fil-ħajja divina tat-Trinità Qaddisa, u l-bniedem jista’ jgħixha permezz tal-Iben. Chiara Lubich tagħti tixbieha li tista’ tkun ta’ dawl għalina. Tgħid: “ Ġesù ma ġiex fid-dinja bħalma jiġi kull bniedem ieħor; biex ġie jgħammar fostna l-bnedmin, hu ħalla s-Sema. U kif emigrant li jmur f’pajjiż ʹil bogħod minn artu jaddatta ruħu għal dak il-post, imma jieħu miegħu drawwietu u jibqa’ jitkellem bl-ilsien tiegħu, l-istess ħaġa għamel Ġesù: hu addatta ruħu għall-ħajja ta’ kull bniedem imma, għax kien Alla, ġab miegħu l-mod ta’ ħajja li jgħixu l-Persuni tat-Trinità, il-ħajja tal-imħabba lejn xulxin” .
“Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin”.
Hawnhekk qed nidħlu fil-qalba tal-messaġġ ta’ Ġesù, li jeħodna lejn il-ħajja li kienu jgħixu l-ewwel komunitajiet Insara u li llum ukoll jista’ jkun mod ta’ ħajja li biha jingħarfu l-gruppi u l-għaqdiet tagħna. F’ambjent fejn l-imħabba lejn xulxin hi realtà ħajja, aħna nagħrfu l-veru sens ta’ ħajjitna, insibu l-qawwa biex nimxu ʹl quddiem fil-mumenti ta’ tbatija u qtigħ il-qalb, inħossuna mwieżna fid-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom u nduqu l-veru ferħ.
Ħafna huma l-isfidi li kuljum ikollna nħabbtu wiċċna magħhom: il-pandemija, il-firda, il-faqar, il-gwerer: nimmaġinaw x’jiġri kieku kellna ngħixu din il-Kelma fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Kieku nsibu ruħna quddiem dehra ġdida, naraw b’għajnejna l-pjan fuq il-bnedmin kollha u nimtlew bit-tama. Imma xinhu jżommna milli ngħixu din il-Ħajja u noħolqu madwarna rabtiet ta’ aħwa li jinferxu mad-dinja kollha?
“Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin”.
Marta hi volontarja żgħażugħa li tgħin il-ħabsin iħejju ruħhom għall-eżamijiet universitarji tagħhom. “Meta dħalt il-ħabs għall-ewwel darba, sibt ruħi quddiem persuni mbeżżgħa u dgħajfa. Fittixt li nibni rabta magħhom, l-ewwelnett b’mod professjonali, imbagħad anki b’rabta ta’ ħbiberija billi nirrispettahom u nismagħhom. Ma domtx ma fhimt li mhux jien biss kont qed ngħin lil dawn il-ħabsin, imma li huma kienu qed jgħinu lili wkoll. Darba, waqt li kont qed ngħin student biex jagħti eżami, jiena tlift persuna mill-familja tiegħi u hu rċieva l-aħbar li l-Qorti tal-Appell kienet ikkonfermat is-sentenza ta’ kundanna. It-tnejn konna f’kundizzjoni ħażina ħafna. Waqt il-lezzjoni ndunajt kemm kien qed ibati u hu rnexxielu jiftaħ qalbu miegħi. Għexna flimkien it-toqol ta’ dik it-tbatija u hekk stajna nibqgħu mexjin ʹil quddiem. Kif spiċċa l-eżami, ġie jirringrazzjani u qalli li mingħajri żgur li ma kienx se jgħaddi minnu. Jekk min-naħa l-waħda kienet ġiet fi tmiemha ħajja ta’ membru mill-familja tiegħi, min-naħa l-oħra ħassejt li kont salvajt ħajja oħra. Fhimt li l-għajnuna li nagħtu ʹl xulxin toħloq rabtiet veri, ħbiberija u rispett”.
Letizia Magri
Be the first to comment