Chiara Lubich: “Inġeddu d-dinja”

Ħsieb tal-Kollegament – Novembru 2018

Chiara Lubich – Castel Gandolfo, Italia, 24 Dicembru 1989.

“(…)L-Ispirtu s-Santu jgħammar fejn hemm l-imħabba. Huwa Hu li jpoġġi l-imħabba fi qlubna. Huwa Hu li jagħtina l-imħabba. Jekk inħaddmu l-imħabba li Hu jpoġġi fina, Hu jkun dejjem preżenti. Jekk niefqu nħobbu, Hu jiskot, ma jitkellimx aktar.

Anzi, jista’ jiġri li tidħol fina xi ħaġa negattiva, li ma tkunx tajba, li tkun ta’ spirtu ieħor. Kif jgħid Ġesu’:  tkun  xi ħaġa ta’ din id-dinja u x-xitan  jittantak ukoll.

Iżda min jgħix l-imħabba jkun dejjem fid-dawl, u  l-Ispirtu s-Santu jħalli l-effett tiegħu fih.

Mela, biex tgħixu dejjem f’din l-atmosfera, jeħtieġ li tkunu dejjem fl-imħabba. Tgħiduli: “Imma, Chiara, dan mhux faċli”. Żgur li mhux faċli; irridu nitħarrġu,  f’kollox irridu nidraw.  Iżda mbagħad ikun hemm grazzji speċjali,  l-Ispirtu s-Santu jqanqalna,  ikun hemm tokki divini fir-ruħ tagħna  li jwassluna  biex nibqgħu mexjin ‘l quddiem.  (…)

Ħobbu, ħobbu dejjem! Jekk tħobbu lil xulxin, żgur li Ġesu’ jkun f’nofskom u l-Ispirtu s-Santu jkun f’nofskom.  U intom tafuha  t-teknika tagħna biex inħobbu,  jiġifieri t-teknika tal-imħabba  nisranija;  din isserraħ fuq erba’ punti. Biżżejjed punt wieħed biex nitqaddsu.

Inkunu aħna  l-ewwel li nħobu; inkunu dejjem lesti  li nħobbu, dejjem f’tensjoni biex inħobbu, mingħajr ma niefqu,  dejjem dinamiċi fl-imħabba…… ; għax it-Trinita’ Qaddisa  hi ħajja  ta’ mħabba dinamika, u  aħna rridu nfasslu ħajjitna fuq dik tat-Trinita’ b’imħabba li ma tiqafx, li hi dinamika.  Mela, irridu nkunu aħna l-ewwel  li nħobbu .

Inħobbu lil kulħadd, u hekk ikollna l-Ispirtu s-Santu. Matul il-ġurnata niltaqgħu ma’ bosta nies u jeħtieġ li nħobbuhom ilkoll, u mhux ngħid: “Din iva, u din le”. Irridu naraw lil Ġesu’ f’kull persuna u hekk kollox isir aktar sempliċi. Irridu nħobbu lill-oħrajn bħalma nħobbu lilna nfusna, daqskemm inħobbu lilna nfusna. (…)

Irridu nkunu aħna li nħobbu l-ewwel, irridu nħobbu lil kulħadd, irridu naraw lil Ġesu’ f’kull  persuna. Jekk nagħmlu dawn l-erba’ affarijiet, ikun biżżejjed biex ngħixu l-Ideal kollu kemm hu,  biex ikollna l-Ispirtu s-Santu, biex nirbħu nofs id-dinja; ikun biżżejjed.  (…)

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, dak kollu li tagħmlu, kull tbissima, kull pass, kull azzjoni  jkun frott tal-Ispirtu s-Santu li hemm fikom. Mela, kuraġġ!

Ejjew nimxu ‘l quddiem f’din it-triq u nimlew id-dinja bl-Ispirtu s-Santu li jġedded kollox  u jġedded id-dinja.”


Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.