Omm u missier qatt ma jistennew li jkollhom tarbija bi bżonnnijiet speċjali. Meta aħna għaddejna minn dan, marti li ġa kienet xi ftit fraġli, waqgħet f’depression kbira. Sibt ruħi nieħu ħsieb il-familja b’mod li qatt ma kont qed nistennieh. Fl-ewwel ġimgħat bdew jiġu quddiem għajnejja ħafna mistoqsijiet, u bdejt ninqata’ mill-ħbieb u dawk li jiġu minni. Darba, waqt li kont nieżel it-taraġ, iltqajt ma’ koppja li joqogħdu fl-istess blokk tagħna u għandhom tifla bid-Down syndrome. Innotajt is-serenita’ kbira ta’ din il-koppja u staqsejthom kif kien jirnexxilhom ikunu daqshekk trankwilli. It-tweġiba li tawni ħallietni mistagħġeb; qaluli: “Din it-tifla hi għalina l-akbar rigal; ġabet f’ħajjitna ċerta realta’ li l-familja kollha bbenefikat minnha”. Marti u jiena ta’ spiss bdejna mmorru nżuru lil din il-koppja. Skoprejna l-fidi kbira li kellhom, u ġurnata wara l-oħra aħna wkoll bdejna niskopru mill-ġdid il-valuri li konna warrabna. (G.F. – Italia)
Rigal mhux mistenni
Stedinna għandna xi membri tal-familja li ma tantx konna f’relazzjoni tajba magħhom minħabba xi wirt. Għidnielhom jiġu jgħaddu xi ftit ġranet magħna; iżda meta qalulna li kienu ġejjien, inkwetajna, għax ma tantx kien mument tajjeb għalina. Konna għaddejjin minn żmien ta’ diffikulta’ finanzjarja u ma stajtx nipprepara d-dar kif xtaqt. Iżda mbagħad irraġunajt li l-paċi ta’ bejnietna kienet aqwa minn kollox. Bħala familja ddeċidejna li nagħmlu l-aħjar li stajna biex narawhom kuntenti. Xtaqna nagħtuhom xi rigal, iżda ma stajniex nonfqu flus; it-tifel iż-żgħir lesta tpinġija u l-kbira kitbet poeżija ta’ merħba.
Propju ġurnata qabel ma waslu, ir-raġel irċieva pakkett mingħand il-kumpannija fejn jaħdem. Meta ftaħna l-pakkett sibna żewġ arloġġi: wieħed ta’ raġel u ieħor ta’ mara. Waslu r-rigali li tant xtaqna nagħtu lill-qraba tagħna. (R.H. – Germany)
Ċans ieħor
Waħda minn ħut żewġi talbitni tiġi toqgħod magħna għal xi żmien u anki biex nagħmlu tajjeb għaliha għal xi self li riedet tieħu mill-bank. Għalkemm id-dar tagħna hi żgħira, konna lesti li nilqgħuha b’qalbna kollha; iżda r-raġel ma tantx xtaq li nidħlu fil-biċċa tal-bank għax xi snin ilu konna sellifnieha xi flus li qatt ma ġew lura. Għidtlu li jien kont lesta għal dak li jiddeċidi hu, iżda fl-istess ħin fakkartu li stajna nagħtuha ċans ieħor, għax Alla hekk jagħmel magħna. Wasalna biex iffirmajna l-garanzija li kien hemm bżonn. Hi qed tagħmel ħilitha biex tħallas dak li ssellfet, ukoll jekk mhux dejjem tkun fil-ħin. Inħoss li għandi nibqa’ ngħinha, u xi drabi ddum ħafna titkellem miegħi daqslikieku kont oħtha. Hekk qed negħlbu dak kollu li seta’ jifridna. (M.D. – Paraguay)
Għotja b’mod sħiħ
L-ewwel tarbija li kellna kienet tifla li mietet ta’ erbtax-il xahar. Warajha kellna żewġ subien, u bdejna ninnotaw li dawn kienu qed juru l-istess sintomi tal-marda li kellha hi. Il-mara u jiena sibna ruħna f’dar li saret sptar ċkejken, iżda l-imħabba ta’ bejnietna kienet twassal biex fid-dar tagħna ikun hemm paċi sħiħa. Kemm-il darba kont inħoss li għandi nikkonverti meta nħares lejn uliedi! Meta niġi lura mix-xogħol, kont nipprova ninsa l-problemi kollha biex inkun nista’ ningħata b’mod sħiħ għal uliedi. Hekk biss stajna nibqgħu mexjin mingħajr ma nħallu l-problemi jkissruna. Bdejna nindunaw Alla kemm hu kbir u nistgħu ngħidu li f’din is-sitwazzjoni daqshekk diffiċli għexna waqtiet li fihom doqna xi ftit mill-ġenna. (G.M.B. – Italy)
Dawn l esperjenzi jqawwulna qalbna daqs it talb. Grazzi hafna.
Daniel