Lejn Ewropa ta’ tama, rikonċiljazzjoni u akkoljenza

Eċċellenza President Marie Louise Coleiro Preca,

Eċċellenza Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna,

Sinjuri,

Fil-25 ta’ Marzu li għadda fakkarna is-60 anniversarju  tal-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma, li taw bidu għal dik il-“komunità ta’ popli” li Robert Schuman kellu viżjoni sħiħa tagħha. Tant hu hekk li fis-7 ta’ Mejju 1950,  hu kien ġa ppropona lil Adenauer “solidarjetà fil-produzzjoni tal-faħam u l-azzar”,  biex ma jkun hemm ebda forma ta’ gwerra bejn Franza, il-Ġermanja u dawk il-pajjiżi li jaqblu ma’ din il-proposta. Pass straordinarju  lejn rikonċiljazzjoni bejn popli mfarrka bl-aktar ġlied aħrax li qatt sar.

Photo 07-05-2017, 19 11 17_1200pxL-Ewropa kienet inqerdet għal kollox; mietu aktar minn 35 miljun ruħ.  U barra minn din il-qerda kien hemm ukoll qerda soċjali, politika u morali. La kien hemm liġijiet, la ordni publika u lanqas servizzi publiċi. F’dak iż-żmien ta’ taħwid  kien diffiċli żżomm sigurtà bejn il-fruntieri u ftehim ta’ paċi; allura kif seta’xi ħadd jimmaġina li ser jitfejqu feriti  hekk fondi u  li popli kontra xulxin jsiru poplu wieħed Ewropew? Min kien li ispira lil Schuman, lil Adenauer, lil De Gasperi u oħrajn?

Irridu nemmnu li kien Alla li qanqal l-ideat u ta forza lill-Ewropa.  Kien Alla li wera  mħabbtu għall-bnedmin billi  ħa l-mewt l-aktar ħarxa u infami u sar ħaġa waħda mat-tbatijiet kollha tal-bnedmin, anki dawk li jinbtu mill-vjolenza u l-gwerra.   U llum ukoll huwa Alla li jista’ jqanqal lill-popli  għar-rikonċiljazzjoni biex jiffurmaw il-familja waħda tal-bnedmin. Il-fundaturi tal-Ewropa għamlu esperjenza ta’ dan; ma ħallewx l-assurdità tal-ħażen, id-diżumanità tad-dittaturi, il-kunflitti, is-Shoah…ifarrkuhom.

Chiara Lubich, il-fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari qalet hekk dwar il-kultura li titwieled minn rikonċiljazzjoni profonda:

 “…Kull persuna tista’ tagħti s-sehem tipiku tagħha fl-oqsma kollha: fix-xjenza, fl-arti, fil-politika, fil-komunikazzjoni u l-bqija.  U dan is-sehem ikollu effett akbar jekk il-persuna taħdem f’għaqda ma’ oħrajn f’isem Kristu. Din hi l-inkarnazzjoni li qed tkompli, inkarnazzjoni  sħiħa li tirrigwarda l-membri kollha  tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu. B’hekk titwieled u tinfirex mad-dinja  dik li nistgħu nsejħulha “l-kultura tar-Reżurrezzjoni”:  il-kultura ta’ Kristu li qam mill-mewt, tal-Bniedem il-Ġdid, u fiH, tal-umanità  ġdida”.

Jekk sa ċertu punt din kienet l-avventura tal-fundaturi tal-Ewropa, aħna nistgħu –  u rrid ngħid għandna – naspiraw  li nkomplu l-ħidma li bdew huma.  Ilkoll imsejħin għal dan.  L-għaqda tal-popli Ewropej hi mixja li tinvolvi fl-istess ħin il-qasam edukattiv, dak kulturali u spiritwali, kif ukoll il-qasam politiku, ekonomiku, soċjali u komunikattiv.

Hekk hu allura xi passi  li nistgħu nagħmlu:

Photo 07-05-2017, 19 56 47L-ewwelnett, l-insara mhumiex mitluba biss li jirrikonċiljaw, imma wkoll li jagħmlu mixja ta’ xhieda komuni, fejn dan l-aħħar seħħu  laqgħat storiċi: f’Lund, l-Iżvezja; f’Lesbo, il-Greċja u f’Kuba. Aħna lkoll imsejħin nagħmlu passi lejn komunjoni sħiħa u li tidher   għax nafu dan kemm jiswa għall-għaqda tal-Ewropa u biex l-umanità tkun moqdija aħjar.

Imbagħad jeħtieġ li nwessgħu ħarsitna lejn l-Ewropa kollha kemm hi – mill-Atlantiku sal-Urali – u dan ifisser li nirrikonoxxu b’mod reċiproku l-valuri u l-ispazji ta’kollaborazzjoni minn fuq  s’isfel tal-Ewropa, mil-lvant sal-punent. Il-gwerer, il-ħakmiet totalitarji, l-inġustizzji ħallew feriti li hemm bżonn jitfejqu. Jekk iridu nkunu tassew bennejja ta’ għaqda Ewropea, jeħtieġ nirrikonoxxu  li dak li aħna llum hu frott ta’ storja komuni u ta’ destin Ewropew  li jeħtieġ nħossu li hu tagħna. Jekk riżultat ta’ dan  ikun li nġeddu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u Pajjiżi Ewropej li mhumiex parti minna,  dan ġa jkun pass ‘l quddiem  għall-paċi, speċjalment fil-Lvant Nofsani.

Fl-Ewropa jinħass ukoll bżonn kbir li ċ-ċittadini jieħdu sehem fil-ħajja tal-ibliet  u tal-kontinent kollu. Fi kliem ieħor, dan ifisser li hemm bżonn nagħtu ħajja ġdida lid-demokrazija li twieldet fl-Ewropa, imma li llum għandna bżonn ta’ dimensjoni ġdida, waħda li hi aktar   effettiva, aktar inċiżiva, aktar tgħodd għal dan is-seklu.

Aktar minn hekk, f’kuntest Ewropew multikulturali u multireliġjuż hemm bżonn kbir ta’ kapaċità ġdida ta’ djalogu. Djalogu li jista’ jserraħ fuq “Ir-Regola tad-Deheb”, li tgħid: “Kif tridu lill-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom” ( ara Lq 6,31). Din hi regola li tinsab fir-reliġjonijiet ewlenin kollha u li jilqgħuha wkoll dawk li m’għandhom ebda twemmin reliġjuż.

 Imbagħad jeħtieġ ukoll li naraw mill-ġdid il-motto magħżul mill-Unjoni Ewropea “unità u diversità” u napplikawh ukoll  fuq livell istituzzjonali. Dan ikun rigal anki għall-ġnus f’kontinenti oħra li qed ifittxu triqat għall-għaqda. 

 Il-fundaturi tal-Ewropa qatt ma ħasbu fuq Ewropa magħluqa fiha nnifisha, imma  fuq Ewropa miftuħa għall-għaqda tal-familja umana.   Hu sinifikattiv li qed nisħqu mill-ġdid dwar dan f’Malta, l-istat li jinsab propju fuq in-naħa ta’ isfelnett tal-Ewropa, b’ikel, ilsien u fuq kollox b’vokazzjoni mħawla fil-Mediterran, li minn qabar  kaħlani jeħtieġ li jerġa’ jkun  “Mare nostrum” ta’ Ewropa, Afrika u Lvant Nofsani magħquda.

Il-ħafna kriżijiet internazzjonali ta’ bħalissa jagħtuna stampa ċara tat-triq twila li hemm quddiemna  biex naslu għal dan.  Chiara Lubich kienet qalet: “Hemm bżonn ta’ studju bis-sabar, hemm bżonn tal-paċenzja, u fuq kollox hemm bżonn ma ninsewx li hemm Xi Ħadd  li qed isegwi l-istorja tagħna u jixtieq  –  li bil-kollaborazzjoni tar-rieda tajba tagħna –  iwettaq il-Pjan ta’ Mħabbtu fuq il-kontinent tagħna u fuq id-dinja kollha”.

Dan iwassalna  għall-konklużjoni li  vale la pena ngħixu ħajjitna għal skop daqshekk għoli.

Jalla anki dan il-Forum jagħti s-sehem tiegħu biex tistabbelixxi ruħha dik “L-Ewropa familja ta’ ġnus”, li skont Papa Franġisku hi “kapaċi twelled umaniżmu ġdid ibbażat fuq tliet kapaċitajiet: il-kapaċita’ li tintegra, il-kapaċita’ li tiddjaloga u l-kapaċita’ li tiġġenera”.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.