“Called to hope – Key players of dialogue”: Kungress Ekumeniku organizzat mill-Moviment tal-Fokolari

Il-Moviment tal-Fokolari organizza Kungress Ekumeniku li sar mis-26 sad-29 ta’ Marzu, fiċ-Ċentru Mariapoli ta‘ Castelgandolfo, Ruma. Minn Malta ħadet sehem Maria Attard li hawn taqsam xi ħsibijiet magħna.

Dan il-Kungress sar fis-sena meta qed niċċelebraw:

  • Il-Ġublew tat-tama tal-Knisja Kattolika
  • Il-1700 anniversarju mill-Konċilju ta’ Nicea
  • Is-sittin sena minn meta ġew aboliti l-iskomuniki reċiproċi bejn il-Knisja Kattolika u dik Ortodossa.

Ħadu sehem 250 parteċipant minn 4 kontinenti f’40 pajjiz differenti u minn 20 Knisja differenti, u fost dawn kien hemm 12-il isqof u saċerdoti minn denominazzjonijiet diversi. Margaret Karram, il-President tal-Moviment tal-Fokolari u Jesus Moran, il-Ko-president ukoll ħadu sehem.

Numru kbir ta’ parteċipanti taw sehemhom billi qasmu ħsibijiet jew esperjenzi, u matul il-kungress kollu kienet tinħass arja sabiħa ta’ familja fejn ma naqasx ukoll sens kbir ta’ferh. Konna nibdew u nispiċċaw il-ġurnata bit-talb, li kull darba kien jitmexxa minn membri ta’ denominazzjoni differenti.

Maria Attard (lemin) flimkien mal-Isqof Pavel u parteċipanti oħra fil-kungress. Ritratt ta’ Liz Taite.

Fost il-ħafna punti li laqtuni waqt il-programm ta’ dan il-Kungress Ekumeniku, xtaqt naqsam dan li ġej:

  • Il-ħajja tagħna l-Insara tmur kontra l-loġika tal-forza li tipproponi d-dinja u tħaddan il-logika tal-għaqda li twassal għall-paci. Li thobb bit-tenerezza, billi tieħu ħsieb lill-ieħor, li titlef l-idea tiegħek, huwa sinjal ta’ qawwa mhux dgħufija.
  • Meta l-Insara jgħixu l-imħabba lejn xulxin, huma mhux biss jidhlu f’relazzjonijiet li tfejjaq l-grieħi, iżda bil-preżenza ta’ Ġesu f’nofshom huma jwieġbu ghall-ħtiġijiet tad-dinja tal-lum. L-għaqda bejn l-insara hija kruċjali.
  • Id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni mhumiex importanti biss għall-għaqda bejn il-Knejjes, imma wkoll għal qasam politiku, soċjali, ekonomiku, ambjentali u psikoloġiku.
  • Il-Knejjes Insara mifrudin huma bħall-istained glass. Jekk tkun miksura, kull stained glass hija sabiħa, imma meta tkun magħquda flimkien hi kapulavur u d-dawl jista’jgħaddi minnha. Id-dawl ta’Kristu jdawwalna meta nkunu magħqudin bejnietna bħala Nsara.
  • Panel ta’ rappreżentanti minn Knejjes differenti li ħadu sehem fis-Sinodu. tkellmu ħafna fuq kif għamlu konverzazzjonijiet fl-Ispirtu, it-teknika li ntużat waqt is-Sinodu.

L-esperjenza ta’ dan il-Kungress mhux biss imlietni bit-tama imma wrietni li lkoll flimkien nistgħu nizirgħu ż-żerrigħa tat-tama kulfejn inkunu u li bħaz-zerriegħa tal-mustarda li jitkellem dwarha l-Evangelju, din tista’ ssir siġra kbira.

Kitba ta’ Maria Attard

 


Read also:

Ecumenical Conference: with Hope and Courage

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.