Ilum 16 ta’ Lulju l-Moviment tal-Fokolari jfakkar il-bidu ta’ ġrajja straordinarja li bdiet propju f’din il-ġurnata fl-1949 minn patt speċjali bejn Chiara Lubich u Igino Giordani. Minnha ħarġet esperjenza mistika miftuħa għall-umanità.
Jitkellem dwarha Jesús Moràn, ko-president tal-Moviment tal-Fokolari:
“Dik li aħna fil-Moviment nafuha bħala “Paradiso ‘49” hi esperjenza mistika, li tista’ tgħid li hi unika, li qatt ma kienet ġrat qabel, għax Alla qatt ma jirrepeti ruħu. Kienet esperjenza ġdida u waħdanija, kemm fil-mod kif ġrat kif ukoll fil-kontenut. Bdiet minn patt ta’ unità bejn Chiara Lubich u Igino Giordani: mara u raġel, żagħżugħa li Alla kien ta kariżma u politiku li kien attiv fil-ħajja tas-soċjetà, verġni u raġel miżżewweġ. Dan ġa jgħid ħafna”.
U Moran ikompli jitkellem dwar l-isfond ta’ ħajja li kien hemm wara din l-esperjenza, jiġifieri dwar dak li Chiara u sħabha kienu għexu qabel ma bdiet: ħajja bl-għeruq tagħha fil-Kelma t’Alla, l-għażla ta’ Ġesù msallab u abbandunat, ħajja ta’ komunjoni li l-quċċata tagħha hi l-Ewkaristija.
“Dawk li jistudjaw din l-esperjenza jgħidulna li kollox ħareġ minn dan” jgħid Moràn, u li “allura wieħed jifhem li dak li ħareġ minnha kien moviment b’firxa wiesgħa ekkleżjali u soċjali u b’metodoloġija li sserraħ fuq djalogu miftuħ beraħ: djalogu fil-Knisja Kattolika, djalogu ekumeniku, djalogu interreliġjuż u djalogu mal-kultura. Hu moviment li aktar ‘l quddiem seta’ jagħti bidu għal movimenti soċjali bħalma huma l-Ekonomija ta’ Komunjoni u l-Moviment għall-Politika ta’ Unita, kif ukoll għal realtajiet kulturali importanti bħalma huma l-publikazzjonijiet ta’ Città Nuova u l-Istitut Universitarju Sophia”.
Jesus Moràn temm jgħid: “ Dak li qed niċċelebraw illum hi din il-ġrajja partikulari li seħħet f’kuntest meraviljuż fejn in-natura u l-kultura jintisġu, fejn id-divin jiddi f’dak li hu uman u jista’ jagħti kontribut sinifikanti fil-mixja tal-bniedem tal-lum.”
Be the first to comment