Esperjenzi dwar l-għajxien tal-Kelma tal-Ħajja
Familja ġdida
Żewġi u jiena sirna nafu mingħand soru ħabiba tagħna li tfajla li kellha tmin xhur tqala kienet qed tgħaddi l-ljieli f’toilet publiku. Din l-istorja niktitna għall-aħħar; morna nkellmu social worker iżda konna lesti li noffru kenn fid-dar tagħna lil din it-tfajla wara li nkellmu lil uliedna. Meta rajna li l-biċċa tas-social worker kienet ser tieħu fit-tul, iddeċidejna li mmorru nfittxuha.
Familja oħra għenitna u sibnieha f’video games aracade fejn bosta drabi kienet tqatta’ l-ġurnata tagħha. Kelllha storja tal-biki: ommha kienet tgħix bil-prostituzzjoni u sakemm kellha 14-il sena għexet ġo home. Ftit wara li marret lura tgħix ma’ ommha, ħarbet mid-dar għax ma riditx tagħmel ix-xogħol li kienet tagħmel ommha.
Bil-kemm setgħet temmen meta għidnielha li setgħet tiġi toqgħod magħna. Grazzi għall-passparola li nirċievu kuljum, il-ħbieb tagħna għamlu minn kollox biex din it-tfajla u t-tarbija li kienet qed tistenna jkollhom dak kollu li jeħtieġu. It-tarbija twieldet, u issa b’ħafna delikatezza qed ngħinuha tieħu ħsiebha. Illum din tqisna bħala l-familja tagħha. (L.A.G.mill-Italja)
Nagħmlu kollox flimkien
Indunajt li biex neħles lit-tfal tagħna mill-periklu li jqattgħu ħafna ħin quddiem it-TV kelli nitgħallem “naħli” l-ħin magħhom. Aktar milli nisfurżhom biex jitfu t-TV, kelli nipproponilhom li jagħmlu xi attivitajiet oħra, għalkemm dan kien jitlob aktar sforz minni. Wara li tkellimt ma’ żewġi u ma’ wliedi ddeċidejna li kull filgħaxija nibdew nagħmlu attivita’ differenti: it-Tnejn nagħmlu kitba u tpinġija; it-Tlieta nilagħbu xi games, l-Erbgħa naraw it-TV, il-Ħamis nagħmlu xi tindif tad-dar, il-Ġimgħa mmorru nagħmlu mixja flimkien, eċċ..
Aktar ma bdejna nidħlu fir-realtajiet li jgħixu wliedna, aktar bdejna niskopru kemm hemm affarijiet x’nitgħallmu biex ngħinuhom jikbru. Kemm ilna li bdejna dan l-eżerċizzju bdejt ninduna kemm tassew jieħdu gost jiktbu jew jaqraw xi storja qasira; kemm jieħdu gost jirranġaw xi kexxun jew ipoġġu t-toys f’posthom, u kemm ikunu kuntenti li jagħmlu dan flimkien.
Wara li konna ilna xi ftit ġimgħat għaddejjin b’dawn l-attivitajiet, it-tifel il-kbir issuġġerixxa li nibdew nużaw il-ġurnata ddedikata għat-TV biex insajru xi ħaġa flimkien. Allura issa minflok naraw xi film, spiċċajna nippreparaw flimkien l-ikla ta’ fil-għaxija għal dik il-ġurnata. Tasssw li flimkien mal-oħrajn, anki t-tindif tad-dar jew it-tisjir isir opportunita’ biex wieħed jieħu gost!
(S.J. – Brażil)
L-anzjani
Meta żżewwiġna, tant konna meħuda bl-imħabba tagħna lejn xulxin li bil-kemm konna nagħtu kas il-pariri tal-ħbieb jew dawk li jiġu minna. Żewġi għandu zija anzjana, armla, li tħobb lin-neputijiet daqslikieku kienu wliedha. Meta tlabnieha tiġi toqgħod magħna, kienet tassew kuntenta, u.l-preżenza tagħha fil-familja tagħna ġabet magħha ħafna mħabba.
Ġurnata minnhom, din iz-zija ħasset li bejni u bejn żewġi kien hemm xi ħaġa li ma kenitx sejra sew, u mill-ewwel iddeċidiet li tkellimni b’mod miftuħ; “Il-passjoni tispiċċa, imma l-imħabba tibqa’”, qaltli. Stajt nara li kienet qed tbati u b’ħafna delikatezza kompliet tgħidli: “Int tista’ twelled imħabba ġdida: dan hu li żewġek għandu bżonn. Jien ma nista’ nagħmel xejn ħlief ngħinek bit-talb tiegħi”.
Tlabtha ngħidu talba flimkien u tant ħadet gost. Kif spiċċajna t-talba, mill-ewwel ħassejt f’qalbi paċi kbira, u dan malajr kellu effett fuq żewġi u wliedi li huma teenagers. Il-preżenza ta’ din iz-zija fil-ħajja tagħna, tgħinni nifhem għaliex Papa Franġisku jagħti daqshekk valur lill-anzjani. Hi l-aktar ħaġa prezzjuża li għandna fil-familja tagħna.
(Sz.K. – Slovakkja)
Imħabba li tgħaqqadna
Ili naf lis-Sur Walid li hu Musulman għal xi snin u hemm relazzjoni tassew sabiħa bejnietna. Xi ġranet ilu ġie il-parroċċa biex jagħmel donazzjoni għall-bżonnijiet li jkun hemm fil-komunita’. U stedinni biex immur niekol għandu. Aċċettajt din l-istedina bil-qalb. Kienet ikla pjuttost sempliċi f’dar tassew lussuża. Iltqajt ma’ martu li hi Taljana u mal-erba’ wliedu, li bħala missier jixtieq jedukhom skont il-kultura ta’ pajjiżna.
Mingħajr ma kont qed nistenna, kelli l-opportunita’ li nirrakkuntalu xi ftit dwar ħajti, dwar id-distakk mill-ġid u fuq kollox dwar il-qsim tal-ġid li nipprova ngħix flimkien ma’ Nsara oħrajn. F’ħin minnhom smajtu jgħid: “Alla hu miegħek!” Meta kont ser nitlaq ġie jwassalni sa fejn ix-xatba li hemm barra l-bieb u qalli: “Jekk tkun taf b’xi familja li jkollha diffikulta’, għarrafni. Jien ukoll nista’ nieħu l-impenn li nagħti s-sehem tiegħi kull xahar”.
(T.P. – l-Italja)
Be the first to comment