“Ħobbu l-għedewwa tagħkom”

Silta meħuda minn ħsieb ta’ Chiara Lubich imxandar fuq il-programm “Oggi e’ Domenica”, RAI GR2, Mejju 1978.

“Ħobbu l-għedewwa tagħkom” ( Lq 6, 27). Dan il-kliem hu tassew qawwi! Jibdel il-mod kif naħsbu u jwassalna biex niddrittaw it-tmun ta’ ħajjitna! Għax ngħiduha kif inhi: ftit jew wisq ilkoll għandna lil xi ħadd li nqisuh bħal għadu kbir jew żgħir fil-ħajja tagħna.

Dan jinsab hemm wara l-bieb tal-appartament fil-qrib fejn toqgħod dik il-mara antipatika u stramba, li dejjem nfittex li naħrabha kull darba li tkun ser titla’ miegħi fil-lift…

Jinsab f’dik il-persuna li tiġi minni li tletin sena ilu kellha xi tgħid ma’ missieri u ma bqajtx insellmilha aktar…

Jinsab bil-qiegħda warajk fil-bank tal-iskola, u qatt u qatt aktar ma ħarist lejn wiċċu minn meta mar jukżak lit-teacher…

Jinsab f’dik it-tfajla li kont ħabiba magħha u warrbitek biex tmur ma’  ħaddieħor….

Hu dak il-kummerċjant li qarraq bik…

Huma dawk it-talin li fil-politika ma jaħsbuhiex bħalna u nqisuhom bħala għedewwa tagħna…

(…) Dawn kollha u għadd kbir ta’ oħrajn li aħna nsejħulhom għedewwa, irridu nħobbuhom. Inħobbuhom?  Iva! Irridu nħobbuhom! U ara taħsbu  li rridu biss nibdlu s-sentiment ta’ mibegħda f’ieħor aktar  twajjeb. Irridu nagħmlu aktar minn hekk! Isimgħu x’jgħid Ġesu’: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom”.

Qed taraw? Ġesu’ jrid li nirbħu l-ħażin bit-tajjeb. Irid imħabba li tissarraf f’ġesti konkreti.

Jiġina li nistaqsu: imma Ġesu’ għaliex qed jagħtina kmand bħal dan? Ir-realta’ hi  li Hu jrid li nfasslu l-imġiba tagħna  fuq dik ta’ Alla, Missieru  li “jtella’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex ( Mt 5,45). Dan hu li jrid.

Aħna m’aħniex waħidna fid-dinja: għandna Missier u hemm bżonn li nkunu nixbhuh. U mhux hekk biss: Alla għandu dritt għal din l-imġiba tagħna għax waqt li aħna konna għedewwa tiegħu, kien hu li ħabbna l-ewwel u  wera mħabbtu lejna billi bagħat lil Ibnu li ġarrab mewta l-aktar kiefra għal kull wieħed u waħda minna. (…)

Naħseb tajjeb naraw  kif nagħmlu biex nirranġaw xi sitwazzjoni li ninsabu fiha; wara kollox aħna ser inkunu ġġudikati bl-istess mod li aħna niġġudikaw lill-oħrajn. (…)  Mhux aħna stess ngħidulu: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil  min hu ħati għalina” (Mt 6,12)?  Mela, ejjew inħobbu lill-għedewwa  tagħna!  B’imġiba bħal din biss nistgħu nsewwu n-nuqqas ta’ għaqda, inkissru l-ħitan tal-firda u nibnu l-komunita’.

Chiara Lubich

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.