Meta ngħixu l-Kelma t’Alla jkollna l-qawwa li noħorġu minna nfusna biex nersqu lejn l-oħrajn b’imħabba. Nibdew minn dawk l-aktar qrib tagħna: fil-familja, fil-post fejn noqogħdu u dawk li niġu f’kuntatt magħhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Din il-ħbiberija tibni xibka ta’ relazzjonijiet pożittivi li jwasslu għall-għajxien tal-kmandament tal-imħabba lejn xulxin, u allura lejn il-bini ta’ dinja fejn il-bnedmin jgħixu bħal aħwa ta’ xulxin.
Kliem nissel paċi fil-qalb
Iż-żewġ uliedi li kellhom seba’ u ħames snin kienu barra qegħdin jilagħbu barra, bla ebda ħsieb ta’ xi periklu. Splodiet bomba, iżda ma ġrejtx biżżejjed biex neħlishom mill-periklu. It-tnejn sfaw milquta; qbadniehom u tlaqna niġru lejn l-isptar. F’moħħi bdew għaddejjin ħafna ħsibijiet; ħassejt dwejjaq, biża’ uġigħ … iżda ridt nagħmel ħilti biex nieħdu ħsieb uliedi u nnissel il-paċi f’qalbhom.
Ibni kellu xi splinters f’rasu, u kellhom joperawh malajr; binti ma kenitx daqshekk gravi. Bqajt l-isptar ma’ ġenbhom, imqajma l-lejl kollu. Kultant bdew jokorbu u jhewdnu: “Għalfejn għamlulna hekk?” Bdejt infittex li nweġibhom bi kliem ta’ paċi: għidtilhom li min tefa’ l-bomba kien xi ħadd li bata ħafna, li forsi ma kellux ġenituri u li ried jeqred l-armi li kien hemm fuq in-naħa tagħna … Meta t-tfal irnexxilhom jorqdu, bdejt nitlob: fdajt lil uliedi f’idejn Alla u tlabtu jeħlishom minn kull mibegħda f’qalbhom. Illum għaddew bosta snin minn dan l-episodju ta’ tbatija, iżda ibni jħares lejh bħala inċentiv biex jagħti sehemu għall-paċi fid-dinja.
R. S. – Lebanon
Bidla ta’ appartament
Meta staqsejna lill-propjetarja tal-appartament fejn konna noqogħdu għall-permess biex nagħmlu xi tiġdid u nħallsu għalih aħna, din qatt ma qaltilna li kellha f’moħħha li tbigħ. Naturalment, meta lestejna x-xogħol kollu u sirna nafu bid-deċiżjoni tagħha, ħassejna li din kienet qarrqet bina. Barra minn hekk, il-propjetarju l-ġdid talabna kera aktar għoli. U mil-lum għall-għada sibna ruħna barra t-triq. Iżda fdajna fil-providenza: konna ċerti li Alla ma kienx ser jabbandunana. Filfatt, ftit wara sibna appartament ieħor li kien ħafna aħjar għalina bħala familja.
Kien hemm xi ħaġa li kienet importanti ħafna għalina: ma xtaqniex li niksru r-relazzjoni li konna bnejna mal-ewwel propretarja. Filfatt, għalkemm ma qalet xejn, wara stajna naraw li kien iddispjaċiha għal dak li ġara. Bqajna ħbieb u ntesa kollox.
E.V. – Turkey
(Source: www.focolare.org)
Be the first to comment