L-14 ta’ Mejju ġie ddedikat bħala jum ta’ talb u sawm biex fih nies ta’ kull reliġjon jingħaqdu u jitolbu għall-bżonnijiet tal-umanita’. Għal din l-okkażjoni Maria Voce, President tal-Moviment tal-Fokolari għamlet din it-talba.
“F’dan iż-żmien ta’ prova, solitudni, qtigħ il-qalb u biża’, inħossu l-bżonn li mill-ġdid niskopru t-tifsira tal-ħajja u tal-mewt, ta’dak li ma jispiċċax u jibqa’ għal dejjem. Qlubna msoffija mit-tbatija u bla armi, jingħaqdu biex jitolbu Lilek, Int li tista’ kollox, kollok tjieba u ħniena, Missier tagħna lkoll.
Saħħaħ fina l-fidi biex nemmnu li dak li inti tippermetti hu għal ġid akbar u li f’dak kollu li jiġri qatt ma titħalla barra l-imħabba tiegħek bla tarf.
Għinna nkomplu l-vjaġġ tal-ħajja b’fiduċja u tama mġedda, li għandhom għeruqhom imħawla fir-rieda divina tiegħek ta’ kull mument.
Farraġ lil dawk li qed ibatu għax tilfu lil xi ħadd mill-familja jew mill-ħbieb; agħtihom il-qawwa biex ikunu jistgħu jibqgħu mexjin ‘l quddiem, u agħtihom is-sabar biex jgħixu dan iż-żmien iebes.
Quddiem il-qtigħ il-qalb dwar il-ġejjieni, in-nuqqas ta’ xogħol, il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li l-pandemija qed iġġib magħha, agħmel li jkollna l-ħila naraw f’dan kollu okkażjonijiet biex ngħixu s-solidarjeta’ u nsaħħu l-ġustizzja.
Naqqax fina dejjem aktar il-marka tal-imħabba konkreta sabiex nibku ma’ min qed jibki u naqsmu l-ferħ ma’ min jifraħ. Agħmel li nikkunsidraw lill-oħrajn bħalma nikkunsidraw lilna nfusna u li nixtiequ għalihom dak li nixtiequ għalina stess.
Kbir Alla li tista’ kollox, urina li aktar ma nħobbu lil ħuna u ninsew lilna nfusna, aktar tonqos it-tbatija u jibqa’ f’qalbna l-ħlewwa ineffabbli u tanġibbli tal-preżenza tiegħek.
Agħti l-qawwa, is-saħħa, il-protezzjoni u l-għerf lit-tobba, lill-infermiera, lil dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u lil dawk li qed jieħdu ħsieb ħutna morda u fil-bżonn, sabiex huma jkunu strumenti Tiegħek waqt li qed jieħdu ħsieb dawk fdati f’idejhom.
O Alla, Dawl tad-dinja, dawwal lix-xjenzati bl-Għerf tiegħek u agħmel li jużaw id-dehen tagħhom għall-ġid tal-bnedmin kollha.
Agħti l-għajnuna meħtieġa lill-mexxejja tan-nazzjonijiet u lil dawk li għandhom f’idejhom id-deċiżjonijiet dwar il-ħajja tal-ġnus sabiex huma jagħrfu jagħmlu deċiżjonijiet siewja għall-quddiem u jsibu soluzzjonijiet soċjali u ekonomiċi għal dawk l-aktar dgħajfin. Miss il-kuxjenza tagħhom ħalli jsibu l-mezzi kollha meħtieġa biex jevitaw il-kunflitti u jippromwovu l-paċi. Agħmel li kull wieħed iħossu responsabbli mhux biss tan-nies ta’ pajjiżu imma tal-bnedmin kollha.
Jalla Marija, maħbuba u meqjuma minn ħafna, tgħinna nibqgħu sħaħ fil-fidi u nwasslu l-faraġ u t-tama lil kulħadd. Ammen.”
Maria Voce
Photo credit: George Martell/The Pilot Media Group (https://www.flickr.com/photos/bostoncatholic/12138496174)
Be the first to comment