Esperjenzi dwar l-għajxien tal-Kelma tal-Ħajja: naħslu riġlejn xulxin kif għallimna Ġesu’.
Il-Komponent Elettroniku Nieqes
Naħdem f’kumpannija li tagħmel il-komputers. Kont ili xhur infittex komponent elettroniku partikulari li kien ibaxxi sew il-prezz ta’ prodott li konna qed naħdmu fuqu, iżda ma stajt insibu mkien, u għalhekk iddeċidejt li niddisinjah jien. Waqt laqgħa li nagħmlu kull ġimgħa, indunajt li kienet ġejja ġimgħa b’ħafna xogħol, u għalhekk tlabt biex l-ordni għal dan il-komponent iħalluha għall-ġimgħa ta’ wara.
Waqt din il-laqgħa sirt naf ukoll li wieħed mill-kollegi tiegħi kien għaddej minn żmien diffiċli fil-familja tiegħu u qalli li ma kienx lesta xi xogħol li kien fdat f’idejh. Il-boss ċanfru, u jien kont pront offrejtlu l-għajnuna tiegħi. Iżda, wara ndunajt li ma kienx ser ikolli ħin inwettaq il-proġett li kelli nagħmel jien u kien ser ikolli nibqa’ naħdem tard il-ġimgħa kollha. Meta mort lura l-uffiċċju nsib lil xi ħadd jistennieni; ma kellix appuntament miegħu. Kien l-aġent tal-komponent li kont qed infittex. (M.A. L-Italja)
Fil-bitħa tagħna
Bosta tfal li joqogħdu n-naħa tagħna jiġu jilagħbu mat-tfal tagħna fil-bitħa tal-blokk ta’ appartamenti fejn noqogħdu aħna. Kien jiġi wkoll Robert, tifel b’ħafna problemi, li dejjem jiġġerra fit-toroq u spiss jiġġieled mal-oħrajn. Konna nafu li l-ġenituri tiegħu, li kellhom ħanut, ma tantx kellhom ħin għalih u li kien qed irċievi għajnuna psikoloġika.
Darba smajnieh qed jerġa’ jiġġieled. Il-mara u jiena riedna nuruh dik l-imħabba li jkellimna fuqha Ġesu’. Inżilna fil-bitħa; offrejnielu jitla’ magħna fid-dar tagħna, u baqa’ jilgħab maż-żewġt itfal tagħna in-nofstanhar kollu. Fil-ġranet ta’ wara, kull darba li s-sitwazzjoni kienet tkun xi ftit diffiċli, it-tfal kienu jġibuh id-dar tagħna.
Il-ġenituri tiegħu qalulna li Robert kien qal b’dak li kien qed jiġri lill-psikologu li jieħu ħsiebu, u dan qalilhom li l-imġiba ta’ Robert kienet marret għall-aħjar u ma kienx hemm bżonn jibqa’ jieħu l-mediċina. (D.H. USA)
Be the first to comment