Kelma tal-Ħajja – April

“Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom,
hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13, 14).


Download: KtĦ-April-2019.pdf


Waqt li jfakkarna fl-aħħar siegħat li għex ma’ Ġesù qabel ma miet, San Ġwann l-evanġelista jpoġġi fil-qalba tar-rakkont tiegħu l-ħasil ta’ riġlejn l-appostli. Fl-antik, dan kien sinjal ta’ merħba li bih in-nies tal-Lvant kienu jilqgħu `l-mistednin wara mixja fit-toroq mimlija trab. Is-soltu dan il-ħasil kien isir mill-qaddejja. Kien propju għalhekk li għall-ewwel id-dixxipli ma ridux li l-Imgħallem tagħhom jaħslilhom riġlejhom, iżda mbagħad hu qalilhom:

“Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin.”

B’dan il-ġest li jfisser ħafna, San Ġwann ried jurina xinhi l-missjoni sħiħa ta’ Ġesù: Hu, l-Imgħallem u l-Mulej, daħal fl-istorja tal-bnedmin biex jiltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minna, biex jaqdina u jlaqqagħna mill-ġdid mal-Missier. Jum wara jum, matul ħajtu kollha fuq din l-art, Ġesù tneżża’ minn kull sinjal tal-kobor tiegħu, u issa kien qed iħejji ruħu biex jagħti ħajtu għalina fuq is-salib. Propju f’dan il-ħin, hu kien qed iħalli bħala wirt lid-dixxipli kliem li tant kien għal qalbU:

“Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin.”

Din hi stedina ċara u sempliċi; ilkoll nistgħu nifhmuha u ngħixuha minn issa stess, f’kull sitwazzjoni ta’ ħajjitna u kulfejn inkunu. L-insara rċevew ir-rivelazzjoni tal-Imħabba t’Alla permezz tal-ħajja u l-kliem ta’ Ġesù. Għalhekk, sabiex huma wkoll ikunu ħabbara ta’ Mħabbtu, huma għandhom id-dejn mal-oħrajn għax iridu jimitaw lil Ġesù billi jilqgħu u jaqdu `l kulħadd. Bħal Ġesù: l-ewwel irridu nħobbu b’mod konkret u mbagħad inlissnu kliem ta’ tama u ħbiberija.

Aktar ma nkunu attenti għall-fqir u nħobbu bla ma nistennew xejn lura, u aktar ma nwarrbu dik l-imġiba servili lejn min hu magħruf u setgħan, aktar ix-xhieda tagħna jkollha effett. Anki fis-sitwazzjonijiet ikkumplikati u traġiċi, li ma jkollniex kontroll fuqhom, nistgħu u għandna nagħmlu xi ħaġa biex nagħtu sehemna ħalli jsir il-“ġid”. B’ġenerosità u responsabbilità, irridu nħammġu jdejna mingħajr ma nistennew xejn lura. Barra minn hekk, Ġesù jitlobna nkunu xhieda ta’ mħabbtu mhux biss aħna personalment fil-postijiet fejn ngħixu, imma wkoll bħala komunità, bħala poplu t’Alla, li jrid jibni kollox fuq il-liġi tal-imħabba lejn xulxin.

“Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin.”

Wara li qal dan il-kliem, Ġesù żied jgħid: “Jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll… Jekk dawn il-ħwejjeġ tafuhom, henjin intom jekk tagħmluhom” (1).

Chiara Lubich ikkummentat fuq dan il-kliem tal-Vanġelu u qalet hekk: “[…] ‘Henjin intom…’. Mela, il-qadi u l-imħabba lejn xulxin li għallem Ġesù meta ħasel saqajn l-appostli, hi waħda mill-beatitudnijiet tiegħu. […] Kif se ngħixuha din il-Kelma matul dan ix-xahar? Ġesù qed jgħidilna nagħmlu kif għamel Hu. Dan ma jfissirx li rridu naħslu saqajn ħutna, għalkemm irridu nżommu quddiem għajnejna dan l-eżempju mill-aktar ċar. Nimitaw lil Ġesù jfisser nifhmu li l-ħajja tagħna ta’ Nsara tagħmel sens jekk ngħixu għall-oħrajn, jekk naqdu `l ħutna, jekk ħajjitna tkun kollha kemm hi mibnija fuq dan il-pedament. Jekk nagħmlu hekk inkunu wettaqna dak li hu tant għal qalb Ġesù. Inkunu fhimna sew il-Vanġelu. Inkunu tassew hienja” (2).

Letizia Magri

1. Ara Ġw 13, 15-17.
2. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja April 1982, fil-ktieb Parole di Vita, miktub minn Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich)
5, Città Nuova, Roma 2017, pp. 233, 235.

 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.