Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu

Download pdfListen to the Word of Life


“Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?” (Rm 8, 35).

L-ittra li l-appostlu kiteb lill-insara ta’ Ruma fiha ħafna x’tomgħod. F’din l-ittra hu juri l-qawwa tal-Vanġelu fil-ħajja ta’ dawk kollha li jilqgħuh, il-bidla sħiħa li fiha din l-aħbar, jiġifieri l-imħabba t’Alla teħlisna! San Pawl stess ġarrab dan il-ħelsien f’ħajtu u hu jrid jagħti xhieda, bil-kliem u bl-eżempju. Din il-fedeltà tiegħu għas-sejħa t’Alla wasslitu eżattament Ruma, fejn hemm  ħalla ħajtu għall-Mulej.

Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?”.

Ftit tal-ħin qabel, Pawlu stqarr dan: “Alla hu magħna”![1]. Hu jqis l-imħabba t’Alla għalina bħal dik l-imħabba ta’ Għarus fidil, li qatt m’hu se jabbanduna ’l-maħbuba tiegħu, li magħha ngħaqad b’rabta li ma tinħallx, akkost li jħalli ħajtu għaliha.

Għalhekk Alla mhuwiex imħallef, anzi hu dak li jidħol għalina.

Mela, bil-laqgħa tagħna ma’ Ġesù, li hu Ibnu l-għażiż, m’hemm xejn li jista’ jifridna minnu.

L-ebda diffikultà, kbira jew żgħira li jista’ jkollna, ma tista’ tifridna mill-imħabba t’Alla. Anzi, Pawlu jgħid li propju f’dawn is-sitwazzjonijiet, min jafda f’Alla u jintelaq għalkollox f’idejH, żgur li joħroġ “rebbieħ”![2]

F’dawn iż-żminijiet li nisimgħu b’supermen u super-eroj oħrajn li jippretendu li jistgħu jirbħu bl-arroganza u l-poter, il-proposta tal-Vanġelu hi dik il-ħlewwa li tagħraf tibni u tilqa’ lill-oħrajn.

 “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?”.

Chiara Lubich tista’ tgħinna nifhmu u ngħixu aħjar din il-Kelma. Hi  tgħid hekk: “Żgur  li aħna nemmnu, jew għallinqas ngħidu li rridu nemmnu fl-imħabba t’Alla. Iżda ħafna drabi […] fil-mumenti ta’ prova, bħal fil-mard u t-tentazzjonijiet, […] il-fidi tagħna ma tkunx daqshekk b’saħħitha u faċli nibdew niddubitaw. “Imma tgħid veru li Alla jħobbni?”. Le: m’għandniex niddubitaw. Irridu nintelqu għal kollox fl-imħabba tal-Missier. Irridu negħlbu d-dlam u l-vojt li nistgħu nħossu aħna u  ngħannqu s-salib magħna. Imbagħad nintefgħu nħobbu ’l Alla billi nagħmlu r-rieda tiegħu u nħobbu ’l-proxxmu tagħna. Jekk nagħmlu hekk, inħossu l-qawwa u l-ferħ tal-qawmien mill-mewt flimkien ma’ Ġesù. Inħossu b’idejna kemm hu veru li, għal dawk li jemmnu u jintelqu f’imħabbtu, kollox jinbidel: in-negattiv isir pożittiv; il-mewt issir għajn ta’ ħajja u mid-dlam għad naraw jixref dawl mill-isbaħ”[3].

 “Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?”.

 Anki fit-traġedja mill-iktar kerha tal-gwerer, min jibqa’ jemmen fl-imħabba t’Alla jkun qed jiftaħ mogħdija ta’ ħniena: “Hawn fil-Balkani pajjiżna jinsab għaddej minn gwerra bla  sens. Fejn qegħdin aħna kien ikollna suldati ġejjin minn fuq il-front, iġorru fihom ħafna traġedji li għexu għax raw qraba u ħbieb imutu quddiemhom. Ma stajtx nagħmel ħaġ’oħra ħlief li nħobbhom kemm stajt. Fil-ftit mumenti ta’ waqfien mill-ġlied, kont infittex li nitkellem magħhom fuq ħafna affarijiet li wieħed iġorr fih f’ċirkustanzi bħal dawn. Imma konna nitkellmu wkoll fuq Alla, għax ħafna minnhom ma kinux jemmnu.

Darba jiena u nismagħhom, issuġġerejtilhom li nsejħu qassis biex jiġi jiċċelebra l-Quddiesa. Kollha kemm huma aċċettaw u wħud minnhom marru jqerru wara għoxrin sena bla qrar. Nista’ ngħid li Alla kien qiegħed hemm magħna”.

 

Letizia Magri

[1] Rm 8, 31

[2] Ara  Rm 8, 37.

[3] C. Lubich, Kelma tal-Ħajja, Awwissu  1987, mill-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017) pġ. 393.

 


 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.