L-ewwel film dwar Chiara u l-Moviment tal-Fokolari ser jixxandar fuq ir-RAI UNO fil-ħarifa li ġejja.
“Ħolma u fidi ta’ żagħżugħa jistgħu jibdlu d-dinja?” Din hi l-bażi li fuqha d-direttur Taljan Giacomo Campiotti qed jibni l-film dwar Chiara Lubich, l-għalliema minn Trento li meta kellha ftit aktar minn għoxrin sena għexet it-tbatija u l-qtigħ il-qalb li ġabet it-Tieni Gwerra Dinjija. Lubich ħassitha msejħa biex tibni dinja aħjar, dinja aktar magħquda, u minn dak iż-żmien ‘il quddiem l-għan tagħha kien li tibni pontijiet bejn il-bnedmin kollha, bla ebda differenza bejn razza, nazzjon jew twemmin reliġjuż,
Dan l-ewwel TV film dwar Chiara li hu biografija ser jiffoka fuq is-snin tal-bidu tal-Moviment, bejn l-1943 u l-1950. Il-produzzjoni hi ħidma flimkien tar-RAI Fiction u Casanova Multimedia u ser tkun immexxija minn Luca Barbareschi. Cristiana Capotondi, attriċi Taljan stabbilita ser tagħmel il-parti ta’ Chiara u fil-kast hemm ukoll Sofia Panizzi u Valentina Ghelfi. Ix-shooting tal-film ser jibda fi Trento fil-ġranet li ġejjien u ser jibda b’dik l-ewwel istorja li Chiara stess kienet tirrakkonta dwar meta “l-gwerra kienet fl-aqwa tagħha” u “kollox kien qed jiġġarraf”, u baqa’ biss Alla.
Fil-press release dwar il-film wieħed isib miktub: “Il-qawwa f’figura bħalma hi dik ta’ Chiara illum twassalna biex inħarsu lejn l-ieħor/l-oħra bħala opportunità, bħala rigal, bħala xi ħadd li jġorr fih żerriegħa tal-verità, li rridu nagħtuh valur u nħobbuh. Biex il-bnedmin jgħixu bħal aħwa hemm bżonn tad-djalogu u tal-paċi. Il-messaġġ ta’ Chiara mhuwiex biss għad-dinja Kattolika. Hi tat sehemha biex ikun magħruf il-valur u r-rwol tal-mara u dan mhux biss fl-istituzzjonijiet tal-Knisja, imma fuq kollox ‘l barra minnhom”.
Dan il-film ser jirrakkonta l-istorja tas-snin tal-bidu, tas-snin ta’ fondazzjoni meta Chiara għarfet li Alla kien qed juriha t-triq li kellha timxi fiha u hi wieġbet. In–numru ta’ nies li mxew warajha beda dejjem jiżdied u mill-Italja wasal sad-dinja kollha. Dan il-film ser ikun ukoll vjaġġ ta’ ċirkustanzi storiċi, soċjali u ekkleżjali li Chiara għexet matul it-Tieni Gwerra Dinjija, fl-ewwel snin ta’ wara l-gwerra u fis-snin ta’ qabel il-Konċilju.
Id-direttur u l-producers tal-film jixtiequ li toħroġ ukoll l-istorja “tat-tfajla revoluzzjonarja li kienet taqsam dak li kellha ma’ min hu fil-bżonn”. Hekk intqal fl-aħbarijiei ANSA tas-27 ta’ Lulju, li komplew jgħidu li “hi kienet taqra l-Vanġelu mingħajr il-preżenza ta’ saċerdot, li kienet meqjusa perikoluża għas-soċjetà ta’ żmienna tant li l-ħidma tagħha kellha tkun eżaminata mis-Sant Uffizzju. L-akbar prova ta’ ħajjitha kienet meta ġiet mitluba tabbanduna t-tmexxija tal-Moviment tal-Fokolari. Imma l-ġebla li tefgħet fl-għadira ħadd ma seta’ jwaqqafha u kompliet toħloq ċrieki dejjem aktar wesgħin. Tant hu hekk li snin wara, meta l-Papa Pawlu VI ġie biex jirregolarizza l-Moviment tal-Fokolari, dan kien ġa nxtered mad-dinja kollha”
Stefania Tanesini
Be the first to comment