Insalvaw id-dinja bl-imħabba

Silta minn dak li Maria Voce qalet b’mod spontanju fil-16 ta’ Lulju 2020

“… Il-pandemija tatna lezzjoni kbira, mhux veru? U tajjeb li nagħrfuha din il-lezzjoni. Batejna u għadna qed inbatu. U ma nafux xi tbatijiet oħra ser iġġib magħha, le? Iżda għallmitna wkoll lezzjoni kbira. L-ewwelnett għallmitna li aħna lkoll ugwali: sinjuri u foqra, setgħana u miżerabbli, tfal, adulti, immigranti…. lkoll indaqs. Din kienet l-ewwel ħaġa.

It-tieni: għalkemm ilkoll indaqs, imma hemm nies li qed ibatu aktar minn oħrajn. Allura x’inhu li jagħmilna lkoll indaqs. Aħna lkoll indaqs għax Alla hekk għamilna; għalkemm differenti minn xulxin, aħna lkoll uliedu. Aħna lkoll maħluqa mill-istess imħabba kbira tiegħU. Iżda mbagħad il-bniedem beda jagħmel id-differenzi, beda jagħmel id-distinzjonijiet, li aħna għadna qed inkomplu nagħmluhom sal-lum: din il-persuna iva u l-oħra le; din il-persuna tiswa imma l-oħra le; mingħand dan nista’ nakkwista xi ħaġa, imma mingħand l-ieħor xejn; dan jisfruttani, l-ieħor mhux daqshekk…… u nibdew nagħmlu d-differenza bejn persuna u oħra.

U x’jiġri meta nagħmlu hekk? Naraw li hemm pajjiżi fejn l-isptarijiet huma attrezzati tajjeb u oħrajn li mhumiex. Naraw pajjiżi fejn hemm maskri għal kulħadd u oħrajn fejn m’hemmx. Hemm postijiet, anki hawnhekk fl-Italja, fejn hemm internet connection tajba u fejn jistgħu jsiru lezzjonijiet on-line, u postijiet oħra fejn m’hemmx din il-possibbiltà. F’għajnejn Alla aħna lkoll indaqs, imma mhux hekk f’għajnejn il-bnedmin, mhux hekk fil-qalb tal-bnedmin. Għalina wkoll hekk? Forsi jien ukoll aktar lesta li noqgħod ma’ persuna milli ma’ oħra; forsi jien ukoll nagħmel differenza bejn persuna u oħra. Meta qed nagħmel hekk, qed ngħix tassew il-patt li jitlob minna li nkunu lesti li mmutu għal xulxin? Mhux biss għan-nies li jogħġbuni imma għal kull persuna, tkun min tkun.

Illum qed jingħad li hemm bżonn noħolqu dinja ġdida, umanità ġdida; kulħadd qed jgħidu dan. Għalkemm fiċ-ċokon, dan hu li għamlet Chiara: ħolqot dinja ġdida. Il-familja ta’ Chiara mifruxa mad-dinja kollha, fiċ-ċokon tagħha, ġa hi dinja ġdida. Naturalment, kollox għadu fil-bidu, qed isir tentattiv, hu buzzett, sinjal ċkejken, imma juri li dinja ġdid tista’sseħħ. Mela jekk dan hu possibbli għal dan il-grupp żgħir ta’ nies – żgħir relattivament għax hemm mijiet ta’ eluf ta’ nies imxerrda mad-dinja – allura nistaqsi: dan il-poplu ċkejken, il-poplu ta’ Chiara mhuwiex lest li jgħid lil kulħadd li dinja ġdida tista’ sseħħ?

Tista’ sseħħ: hemm bżonn inkunu konvinti minnha din il-ħaġa, u nżommu quddiem għajnejna l-ħsieb tal-lum: “Nemmnu fil-qawwa tal-imħabba”. Għalhekk, ejjew qabel kollox nemmnu li l-imħabba għandha setgħa qawwija. Mhux ilkoll għamilnieha din l-esperjenza? Għamilnieha ħafna drabi; imma issa qisha naqset xi ftit; it-termometru tal-imħabba niżel. Ejjew inpoġġu ftit merkurju fit-termometru, ħalli narawh jitla’‘l fuq. Ejjew inkunu din ir-realtà fid-dinja li tagħmel il-ġid.

U nagħmlu dan bla ma noqogħdu ngħidu: “Aħna hekk nagħmluhom l-affarijiet, ejja magħna għax aħna hekk nagħmlu”. Le, aħna bħall-oħrajn, aħna msieken bħall-oħrajn, imma ngħixu fil-ġenna, u ma nixtiequx noħorġu minnha, imma rridu li nkunu fiha flimkien ma’ oħrajn. Irridu nwasslu din il-ġenna lill-oħrajn u ma nżommuhiex għalina biex inħossuna komdi fiha…. u nħallu d-dinja tintilef. Le! Id-dinja trid issalva; jeħtieġ li nsalvaw id-dinja bl-imħabba tagħna.”

Stefania Tanesini

Sors: www.focolare.org

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.