Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


 

“Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, bil-lejl jew bin-nhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber” (Mk 4, 26-27).

Fil-Vanġelu ta’ San Mark, l-aħbar it-tajba tas-Saltna t’Alla titwasslilna permezz ta’ parabbola qasira: hi mxebbha ma’ żerriegħa li tinxteħet fl-art, tinbet b’qawwa kbira u tagħti l-frott.

Xinhi s-Saltna t’Alla għalina, illum? Kif tidħol fil-ħajja persunali u kollettiva tagħna: meta aħna l-ħin kollu nistennew x’se jiġri jew inkunu delużi b’dak li ġara? La din is-Saltna ġa nżergħet, għaliex ma narawx il-frott tagħha ta’ paċi, sigurtà u ferħ?

“Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, bil-lejl jew bin-nhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber”.

Din il-Kelma twasslilna l-fiduċja sħiħa ta’ Ġesù fil-pjan li għandu Alla l-Missier għall-bnedmin: “(…) Permezz tar-rebħa ta’ Ġesù fuq il-mewt, din is-Saltna diġa tinsab fostna. It-twettiq tagħha, li għad iġġib l-istorja fi tmiemha, hi ċerta. Il-Knisja hi l-komunità ta’ dawk li jemmnu f’din is-Saltna, u hi l-bidu tagħha” 1.

Lil dawk kollha li jilqgħuha, qed jafdalhom f’idejhom id-dmir li jħejju l-art biex tilqa’ d-don t’Alla u biex huma jżommu sħiħ t-tama tagħhom f’imħabbtu.

“(…) Infatti, m’hemm ebda sforz uman, l-ebda tentattiv axxetiku, l-ebda studju jew riċerka intellettwali li jistgħu jdaħħluk fis-saltna t’Alla. Ikun Alla nnifsu li jiġi jiltaqa’ miegħek, li bid-dawl tiegħu jurik min Hu jew li jista’ jmissek bil-grazzja tiegħu.

U m’hemm ebda mertu li tista’ tiftaħar bih jew li tista’ sserraħ fuqu biex ikollok dritt għal dan id-don t’Alla. Din is-Saltna tingħatalek b’xejn” 2.

“Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, bil-lejl jew bin-nhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber”.

Titfa’ ż-żerriegħa: mhux iżżommha għalik, imma tiżragħha kollha kemm hi u tafda. “Bil-lejl jew bin-nhar”: is-saltna tikber fis-skiet, anki fid-dalma tal-lejl.

Nistgħu wkoll nitolbu kuljum: “Tiġi Saltnatek”. Iż-żerriegħa ma tistennix li l-bidwi joqgħod jaħdem il-ħin kollu, biex jara jekk hux kollox sew, imma hi għandha l-ħila tistenna bis-sabar kollu sa man-natura tagħmel xogħolha.

Din il-Kelma tal-Ħajja tiftaħ bieb qalbna għall-fiduċja fil-qawwa tal-imħabba, li tagħti l-frott fi żmienha. Tagħtina s-sabar sabiex nistennew dak li jrid jikber waħdu, bla ma naqtgħu qalbna mir-riżultati; tagħtina l-libertà li nilqgħu lill-oħrajn fil-mument preżenti; tiftħilna għajnejna biex nagħrfu l-ħiliet tagħhom minkejja kull dgħufija.

“(…) Xahar qabel ma kien se jiżżewweġ, it-tifel tagħna ċemplilna għax kien inkwetat ħafna billi l-għarusa tiegħu reġgħet bdiet tieħu d-droga. Talabna nagħtuh parir x’seta’ jagħmel. Ma kenitx faċli nweġbuh. Stajna napprofittaw ruħna u ngħidulu jitlaqha, imma ma dehrilniex li dik kienet ħaġa tajba. Għalhekk issuġġerejnielu li jisma’ dak li kien hemm f’qalbu (…). Baqa’ sieket għal ħafna ħin, imbagħad qalilna: “Naħseb li nista’ nħobbha xi ftit aktar”.

Wara ż-żwieġ sabu ċentru tajjeb ħafna biex ma tibqax tieħu d-droga. Għaddew erbatax-il xahar li matulhom hi rnexxielha tibqa’ lura mid- droga. Din hi triq twila għal kulħadd, imma nippruvaw inżommu bejnietna l-imħabba tal-Vanġelu, anki jekk ma jonqsux mumenti ta’ biki. Din l-imħabba wrietna kif għandna nħobbu lit-tifel tagħna f’din is-sitwazzjoni delikata ħafna; imħabba li forsi tista’ tgħin lilu wkoll biex jifhem u jħobb ʹil martu” 3.

Letizia Magri
u t-team tal-Kelma tal-Ħajja

 

1: C. Lubich Kelma tal-Ħajja ta’ Awwissu 1983, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma 2017, pġ. 268.

2: C. Lubich Kelma tal-Ħajja ta’ Ottubru 1979, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi, (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma 2017, pġ. 152.

3: S. Pellegrini, G. Salerno, M. Caporale, Famiglie in azione. Un mosaico di vita, Città Nuova, Ruma 2022, pġ. 74

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.