Kelma tal-Ħajja ta’ Mejju

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba” (1 Ġw 4, 8).

San Ġwann kiteb l-ewwel ittra tiegħu lill-komunità ta’ Nsara fl-Asja Minuri biex jagħmlilhom il-qalb ħalli jerġgħu jiffurmaw komunità waħda, għax fosthom kellhom x’jifridhom. L-awtur qed iħeġġiġhom biex iżommu quddiem għajnejhom dak li “sa mill-bidu” tħabbar fil-predikazzjoni Nisranijia. Hu jtennilhom dak li l-ewwel dixxipli kienu raw, semgħu u messu b’idejhom meta kienu għadhom jgħixu mal-Mulej, biex anki din il-komunità tkun tista’ terġa’ tingħaqad ħaġa waħda flimkien, u għalhekk anki ma’ Ġesù u l-Missier 1.

“Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba”.

Biex ifakkar il-qalba tat-tagħlim li kienu ħadu, Ġwanni jisħaq li f’Ġesù kien Alla li beda jħobbna l-ewwel, u dan għamlu billi sar bniedem bħalna u sar jixbahna fil-limiti u n-nuqqas ta’ ħila tagħna.

Meta nħobbu kif ħabbna Ġesù, ninħelsu mill-egoiżmu li jtellef l-għaqda tagħna ma’ ħutna l-bnedmin u ma’ Alla. Imbagħad inkunu nistgħu nħossu din l-imħabba ġewwa fina.

“Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba”.

Forsi bla ma nindunaw, li nagħrfu ʹl Alla, lil Dak li ħalaqna u li jaf lilna u l-aktar veritajiet profondi ta’ kollox, minn dejjem kienet xewqa kbira tal-bniedem.

La Alla hu mħabba, meta nħobbu kif iħobb Hu, nistgħu nintebħu xi ftit b’din il-verità. Nistgħu nikbru fl-għarfien tagħna ta’ Alla għax inkunu qed ngħixu xi ftit kif jgħix Hu, u Hu jdawlilna t-triq tagħna.

Dan iseħħ b’mod sħiħ meta nħobbu ʹl xulxin. Infatti, jekk inħobbu ʹl xulxin “Alla jibqa’ fina” 2. Jiġri bħal meta żewġ wajers tad-dawl imissu ma’ xulxin biex id-dawl jixgħel u jdawwal kullimkien.

“Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba”.

Chiara Lubich tgħid li meta nagħtu xhieda li Alla hu mħabba, din tkun “l-akbar rivoluzzjoni li aħna msejħin nagħtu lid-dinja tallum, li tinsab mimlija kull fejn tħares bit-tensjoni”, l-istess kif “l-ewwel Insara kienu jagħmlu fid-dinja pagana ta’ żmienhom” 3.

X’irridu nagħmlu? Kif ngħixu din l-imħabba li ġejja m’għand Alla? Billi nitgħallmu minn Ibnu, b’mod partikulari “[…] fil-qadi lejn ħutna, l-aktar dawk li jgħixu qrib tagħna, ibda mill-affarijiet iż-żgħar u umli. Irridu nagħmlu ħilitna kollha biex nimitaw lil Ġesù, billi nibdew inħobbu aħna l-ewwel, niċċaħħdu minna nfusna u ngħannqu magħna s-slaleb kollha, żgħar jew kbar. Jekk nagħmlu hekk ma ndumux biex nagħmlu esperjenza t’Alla, ningħaqdu miegħU, ikollna l-milja tad-dawl, ta’ sliem u ferħ f’ruħna, naslu fejn irid iwassalna Ġesù” 4.

“Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba”.

Anna sikwit tmur iżżur dar tax-xjuħ, f’ambjent Kattoliku. “Darba, ma’ Roberta, iltaqgħet ma’ Aldo, raġel twil, studjuż u sinjur. Aldo ta ħarsa mnikkta lejn iż-żewġ żgħażagħ: “Imma għalfejn toqogħdu tiġu hawn? Xi tridu minn għandna? Ħalluna mmutu fil-paċi!”. Anna ma qatgħetx qalbha u qaltlu: “Niġu hawn għalik, biex inqattgħu ftit ħin flimkien, biex insiru nafu lil xulxin u nsiru ħbieb”. […] Marru drabi oħra. Roberta tirrakkonta li: “Dak ir-raġel kien prattikament magħluq fih innifsu u mnikket għall-aħħar. Ma kienx jemmen f’Alla. Anna kienet l-unika persuna li b’mod delikat ħafna rnexxielha tidħol f’qalbu, u damet tisimgħu għal ħin twil”. Kienet titlob għalih, u darba fost l-oħrajn tagħtu kuruna tar-Rużarju, li hu aċċetta. Anna mbagħad saret taf li Aldo kien miet b’isimha fuq fommu. Id-dulur għal mewtu ttaffa għax saret taf li kien miet fil-paċi, u f’idu kien qed iżomm ir-Rużarju li darba kienet tagħtu” 5.

Silvano Malini u t-team tal-Kelma tal-Ħajja

1: Cf. 1 Ġw 1, 1-3.
2: Cf. 1 Ġw 4, 12.
3: C. Lubich. Conversazioni, xogħol ta’ M. Vandeleene (Opere di Chiara Lubich 8/1); Città Nuova, Ruma 2019, pġ. 142.
4: C. Lubich, Parola di Vita di maggio 1991, fil-ktieb Parole di Vita, xogħol ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma 2017, pġ. 477.
5: P. Lubrano, Un volo sempre più alto. La vita di Santa Scorese, Città Nuova, Ruma 2003, pġ. 83-84,107

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.