Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju

Download pdf


“Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejqitek” (Mt 9, 22).

Ġesù kien miexi mdawwar bil-folla: missier iddisprat talbu jmur jgħin lil bintu li kienet waslet fl-aħħar. Huwa u sejjer, Ġesù kellu laqgħa oħra: minn qalb in-nies ħarġet mara li kienet ilha tbati bit-tnixxija tad-demm għal ħafna snin. Din il-kundizzjoni kienet serja ħafna, anki għaliex minħabba fiha kellha bilfors tnaqqas il-kuntatti mal-familja tagħha u ħbiebha. Hi ma sejħitlux lil Ġesù, ma kellmitux, imma resqet maġenbu minn warajh u messitlu t-tarf tal-libsa. Bejnha u bejn ruħha qalet hekk: “Imqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq minn din il-marda kiefra”.

Ġesù dar, lemaħha u serħilha rasha billi qalilha: il-fidi tiegħek salvatek. Ma fiqitx biss imma bil-ħarsa li Ġesù ta, iltaqgħet mal-imħabba t’Alla.

“Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejqitek”. 

Din il-ġrajja meħuda mill-Vanġelu ta’ San Mattew, lilna wkoll tiftħilna orizzonti mhux mistennija: Alla jinsab dejjem riesaq lejna, imma Hu jistenna li aħna nieħdu l-inizjattiva biex ma nitilfux l-appuntament miegħU. Il-mixja tagħna ta’ fidi, li tgħaddi minn mogħdijiet iebsa li fihom niżbaljaw, inħossuna dgħajfa u nibqgħu b’xiber imnieħer, hi mixja prezzjuża. Hu l-Mulej tal-Ħajja vera u din il-Ħajja jrid ixerridha fuqna li aħna wliedu u l-ebda ċirkustanza ma tista’ tħassar din id-dinjità ta’ wlied Alla.

Għalhekk illum Ġesù qed jgħid lilna wkoll:

“Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejqitek”. 

Biex ngħixu din il-Kelma tal-ħajja, tista’ tgħinna meditazzjoni ta’ Chiara Lubich dwar din il-frażi: “Fil-fidi, il-bniedem juri b’mod ċar li ma jserraħx fuqu nnifsu imma jafda f’Min hu aqwa minnu. […] Lil dik il-mara mfejqa, Ġesù jsejħilha: ‘binti’, biex juriha dak li tassew jixtieq jagħtiha: mhux biss il-fejqan fil-ġisem, imma l-ħajja divina li tista’ ġġedidha kollha kemm hi. Infatti Ġesù jagħmel il-mirakli biex in-nies tilqa’ s-salvazzjoni li qed iġibilna, il-maħfra, dak id-don tal-Missier li hu Huwa nnifsu u li meta jasal fuq il-bniedem jibdlu mill-qiegħ. […]

Mela kif se ngħixuha din il-Kelma? Ngħixuha billi fil-bżonnijiet serji tagħna nuru ʼl Alla li aħna nafdaw fiH. Din l-imġiba żgur ma terfagħniex mir-responsabiltajiet tagħna, ma teħlisniex milli nagħmlu l-almu kollu tagħna. […] Imma jista’ jkun li l-fidi tagħna tkun qed tgħaddi minn prova. Naraw dan propju f’din il-mara li qed tbati, li għarfet tirbaħ l-ostaklu tal-folla li kien hemm bejnha u bejn l-Imgħallem. […] Għalhekk irridu nemmnu, b’dik il-fidi li ma tiddubitax quddiem il-provi. U rridu wkoll nuru ʼl Ġesù li fhimna d-don immens li Hu ġabilna, id-don tal-ħajja divina. U filwaqt li nirringrazzjawH, nikkorrispondu magħha”[1].

“Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejqitek”. 

Din iċ-ċertezza tagħtina l-ħila nwasslu l-fejqan billi b’għożża “mmissu” ʼl min għaddej mit-tbatija, lil min jinsab fil-bżonn, fid-dlam u mifxul. Hekk ġralha omm mill-Venezwela, li kellha l-ħila taħfer: “Kelli bżonn iddisprat ta’ għajnuna, u ħadt sehem f’laqgħa fuq il-Vanġelu, li fiha smajt kliem Ġesù: ‘Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla’[2], ‘Ħobbu l-għedewwa tagħkom’[3]. Jien kif stajt naħfer lil min qatel  lil ibni? Imma issa fija daħlet żerriegħa u fl-aħħar mill-aħħar rebħet id-deċiżjoni tiegħi li naħfer. Issa tassew nista’ nissejjaħ “bint Alla”. Dan l-aħħar sejħuli biex niġi wiċċ imb’wiċċ mal-qattiel ta’ ibni, għax kien inqabad. Kienet esperjenza iebsa, imma l-grazzja għenitni. F’qalbi ma kienx hemm mibegħda u lanqas sens ta’ tpattija, imma biss ġietni ħniena minnu u f’qalbi fdajtu fil-ħniena t’Alla”.

Letizia Magri

 

[1] C. Lubich, Parola di Vita luglio 1997, in eadem, Parole di Vita, a cura di Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma, 2017) pp. 583-585.

[2] Cf. Mt 5, 9.

[3] Cf. Lc 6, 35.


Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.