Silta meħuda minn “Come un girasole. Note di preghiera” ta’ Dun Ermes Ronchi
“L-aktar fjura li togħġobni hi l-warda tax-xemx. (…) Il-warda tax-xemx hi dik fost il-ħlejjaq kollha fejn insibu l-isbaħ xebħ mat-talb: titlob ifisser tħalli x-xemx li hu Alla jirradja fik; titħawwel b’għeruq sodi fl-art u mbagħad timxi lejn is-sema.
It-talb ma jikkonsistix filli tgħid il-kliem tat-talb, imma filli tagħmel dak kollu li tista’, b’ħiltek kollha, biex tersaq lejn Dak l-aktar għoli, spiss bla kliem, bħal pjanta bil-għatx. Dan jiġri meta nidħol fil-Knisja; inkun fil-preżenza t’Alla, ma nsib xejn xi ngħidlu, ma joħroġ xejn mill-fond niexef qoxqox ta’ qalbi. Nispiċċa biex nagħtih is-skiet.
Inħares lejn il-warda tax-xemx u nifhem li l-kliem ma jgħoddx; il-Mulej jafhom kollha, qabel ma joħorġu minn fommi u jitilgħu quddiemu.
Jgħodd il-fatt li għal xi żmien jien noqgħod quddiem ix-Xemx tiegħi, li xejn ma jiġi qabel Alla, li ebda ħaġa mill-affarijiet oħra tiegħi ma tieħu postu.
Il-qawwa mhux qiegħda fina, il-qawwa tinsab fix-Xemx, ikun biżżejjed li nesponu ruħna għaliha biex nieħdu l-enerġija minnha. Ma mmorrux quddiem il-Kurċifiss biex inħarsu lejh, imma biex inħallu lilu jħares lejna b’dak il-ġisem fejn l-imħabba kitbet l-istorja tagħha bl-ittri tal-feriti, li bħall-imħabba ma jitħassrux.
Titlob ifisser issir xi ħadd li jfittex ix-Xemx, xi ħadd li jkun tallab tas-sema.
Nimxi warajH imsaħħar minn xi ħaġa li Hu biss għandu u ħadd ħliefu ma jaf jagħtiha.
Imbagħad jasal il-lejl, meta f’inżul ix-xemx il-warda tax-xemx tbaxxi rasha, bħal mewta ċkejkna li sseħħ kuljum. (…) U l-piż tal-art isir aktar b’saħħtu mill-piż tad-dawl. L-istess jiġrilna aħna meta l-ġibda tal-affarijiet tal-art tkun tiswa aktar mill-ġibda lejn is-sema. Iżda mbagħad ikun hemm ukoll il-qawmien mill-mewta ċkejkna ta’ kuljum meta x-xemx terġa’ tfeġġ.
Hekk inħossni meta nitlob: warda tax-xemx li bħala boxxla u bħala qawmien għandha s-sema li ssaħħarha u tattirha lejha kuljum. Bniedem li għandu t-triqat tiegħu fix-Xemx”.
(Traduzzjoni ta’ silta meħuda minn “Come un girasole. Note di preghiera” ta’ Padre. E.Ronchi: – Ed. Messaggiero 2011)
Be the first to comment