Kelma tal-Ħajja ta’ Diċembru

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Dan hu li jrid Alla minn għandkom fi Kristu Ġesù!” (1 Ts 5, 16-18).

San Pawl kiteb din l-ittra meta ħafna minn dawk li għexu fi żmien Ġesù kienu għadhom ħajjin, kienu raw b’għajnejhom it-traġedja ta’ mewtu u baqgħu mistagħġba bl-Irxoxt u t-Tlugħ tiegħu fis-Sema. Kienu għadhom jiftakru minn fejn għadda u kienu jistennewh jerġa’ lura fosthom. San Pawl kien iħobbha ħafna lil din il-komunità ta’ Tessalonika u kien jara fiha eżempju tal-mod kif wieħed għandu jgħix u jagħti xhieda li tħalli l-frott. Talabhom bil-ħerqa biex din l-ittra tinqara lil kulħadd (5, 27) u ħeġġiġhom biex jibqgħu “jimitaw lilu u lill-Mulej” (1, 6). Għalhekk qalilhom:

“Ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Dan hu li jrid Alla minn għandkom fi Kristu Ġesù.”

San Pawl iħeġġiġhom biex mhux biss jaraw x’irid Alla minnhom, imma wkoll biex jagħmlu dan il-ħin kollu, dejjem, bla waqfien.

Iżda, ngħiduha kif inhi, jista’ xi ħadd jordnalna nkunu ferħana? Kulħadd jaf kemm  ngħaddu minn problemi u nkwiet f’ħajjitna, kemm niltaqgħu ma’ tbatija u qtigħ il-qalb, kemm insibu tfixkil fis-soċjetà li ngħixu fiha. Iżda San Pawl jagħti raġuni l-għala rridu nkunu dejjem “ferħana”, kif qed jgħid hawn. Hu qed ikellem lill-Insara u qed iħeġġiġhom jgħixu l-ħajja Nisranija b’serjetà kbira biex hekk Ġesù jkun jista’ jgħix fihom b’dik il-milja li wiegħed wara l-Irxoxt. Xi drabi nistgħu ngħaddu minn din l-esperjenza: Hu jgħix f’min iħobb u kulħadd jista’ jaqbad it-triq tal-imħabba billi jiċħad lilu nnifsu, iħobb lil ħutu bla ma jistenna xejn lura, jilqa’ l-għajnuna ta’ ħbiebu, u jibqa’ fiduċjuż li “l-imħabba tegħleb kollox”1.

“Ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Dan hu li jrid Alla minn għandkom fi Kristu Ġesù.”

Meta nitkellmu ma’ nies ta’ twemmin differenti, nistgħu naraw aktar ċar kif it-talb hu  parti intima mill-ħajja tagħna ta’ bnedmin; it-talb jibni l-bniedem u jerfgħu ʹl fuq.

Issa kif nistgħu nitolbu bla waqfien? It-teologu Ortodoss Evdokimov jikteb hekk: “… mhux biżżejjed li jkollna mumenti ta’ talb, ir-regoli u d-drawwa li nitolbu. Ħajjitna trid tkun talba ħajja. Ħajjitna rridu nagħmluha liturġija, nibdlu ċ-ċirkustanzi tal-ħajja f’talba kontinwa”2.

Filwaqt li Chiara Lubich tisħaq li: “nistgħu nħobbu (lil Alla) ta’ wlied li aħna, b’qalbna mimlija bl-Ispirtu s-Santu, bl-imħabba u l-kunfidenza f’Missierna li hu fis-smewwiet: b’dik il-kunfidenza li biha sikwit induru lejH u nitkellmu miegħu, ngħidulu minn x’hiex inkunu għaddejjin, kif ukoll l-għanijiet u l-proġetti ta’ ħajjitna. 3

“Ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Dan hu li jrid Alla minn għandkom fi Kristu Ġesù.”

Imbagħad insibu mod kif kulħadd jista’ jitlob il-ħin kollu: billi qabel kull azzjoni nieqfu ftit u nuru l-intenzjoni tagħna lil Alla u ngħidulu: “Ara, din qed nagħmilha għalik”. Din hi drawwa sempliċi li tibdel dak kollu li nagħmlu, tibdel ukoll ħajjitna kollha biex hekk hija ssir talba kontinwa.

Iżżu ħajr lil Alla l-ħin kollu. Din hi attitudni li tinbet minn qalbna meta nuru ħajr lejn Min, fis-skiet, isostni u jimxi ma’ kull bniedem, mal-ġnus, mal-istorja tagħhom u mal-ħolqien kollu. B’ħajr ukoll lejn dawk li jimxu magħna fil-ħajja ta’ kuljum u jwassluna biex nintebħu li aħna limitati u li waħidna m’aħna xejn.

Irridu nifirħu, nitolbu u niżżu ħajr. Dawn huma tliet azzjonijiet li jressquna biex inkunu kif Alla jarana u jridna nkunu, ħalli nsaħħu r-rabta tagħna miegħU. Bil-fiduċja li “Alla tas-sliem iqaddisna f’kollox”4.

B’hekk inħejju ruħna biex ngħixu kif imiss il-ferħ tal-Milied ħalli nagħtu sehemna għal dinja aħjar, biex innisslu s-sliem ġewwa fina, fi djarna, fil-postijiet tax-xogħol u fil-pjazez. Illum m’hemm xejn aktar meħtieġ u urġenti minn dan.

Victoria Gómez u t-team tal-Kelma tal-Ħajja

 

  1. P. Vergilius Maro/Virgilio/Virgil, Ecloga X.69; tista’ tisma’ l-mużika tal- Gen Rosso:
    https://music.apple.com/es/album/lamore-vince-tutto-single/1595294067
  2. P. Evdokimov, It-Talba ta’ Ġesù, fil-ktieb La novità dello Spirito, Ed. Ancora, Milano 1997.
  3. C. Lubich, Conversazioni, Città Nuova, Ruma 2019, pġ. 552.
  4. Ara 1 Ts 5, 23.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.