Kelma tal-Ħajja ta’ Novembru

Download pdf

“Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki” (Rum 12, 15).

Wara li l-appostlu Pawlu wera lill-insara ta’ Ruma d-doni kbar li Alla ta lill-bnedmin permezz ta’ Ġesù u l-Ispirtu s-Santu, hu qalilhom kif għandhom iwieġbu għall-grazzja li  rċevew, l-aktar fir-rabtiet ta’ bejniethom u ma’ kulħadd.

San Pawl stedinhom biex ma jibqgħux iħobbu biss `il dawk li jħaddnu l-istess fidi tagħhom imma biex, kif jgħid il-Vanġelu, iħobbu `l kulħadd, għax għal min jemmen, l-imħabba m’għandhiex limiti.

Xi ħaġa tassew interessanti: il-ferħ hu l-ewwel ħaġa li naqsmu ma’ ħutna l-bnedmin. Tant hu hekk li San Ġwann Griżostmu, wieħed minn Missirijiet il-kbar tal-Knisja, jgħid li meta jkun hemm l-għira jkun aktar diffiċli li naqsmu l-ferħ mal-oħrajn milli naqsmu magħhom it-tbatija.

L-għixien li qed jitkellem dwaru San Pawl jista’ jidher bħal muntanja li diffiċli wisq   titlagħha, bħal quċċata li impossibbli tilħaqha. Iżda min jemmen jista’ jwettaq dan l-għixien għax twieżnu l-imħabba ta’ Kristu, li xejn u ħadd ma jista’ qatt jifridna minnu (ara Rum 8, 35).

“Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki”.

Meta Chiara Lubich kitbet dwar dan il-kliem ta’ San Pawl, hi qalet hekk: “Jekk irridu nħobbu b’mod nisrani jeħtieġ ‘insiru ħaġa waħda’ ma’ kull  wieħed minn ħutna […]: nidħlu fil-fond tar-ruħ tiegħu; nifhmu sew il-problemi u l-bżonnijiet tiegħu; naqsmu miegħu t-tbatijiet u l-ferħ; nitbaxxew quddiemu; irridu b’xi mod insiru ħaġa waħda miegħu. Din hi l-ħajja nisranija; Ġesù sar bniedem, sar wieħed minna biex lilna jagħtina l-ħajja t’Alla. U meta aħna nsiru ħaġa waħda mal-proxxmu tagħna, il-proxxmu jħossu mifhum u mgħejjun”. (1)

Hawnekk għandna stedina biex “insiru tassew ħaġa waħda mal-oħrajn” ħalli nkunu nistgħu nuruhom imħabbitna. Forsi l-aħjar eżempju ta’ kif għandna ngħixu din il-Kelma tal-ħajja nsibuh fl-imħabba tal-omm: l-omm taf taqsam il-ferħ ma’ binha li jkun ferħan u taf tibki ma’ min ibati, bla ebda ġudizzji u preġudizzji.

Hemm sigriet li jgħinna biex inkunu nistgħu nħobbu b’dan il-mod, bla ma ningħalqu fl-inkwiet u l-interessi tagħna: l-għaqda tagħna m’Alla, ma’ Dak li hu l-istess għajn tal-Imħabba; u din l-għaqda rridu nsaħħuha. Jingħad li l-firxa tal-friegħi ta’ siġra hi kbira daqs il-firxa tal-għeruq tagħha. L-istess nistgħu ngħidu għalina: jekk ir-rabta tagħna m’Alla nsaħħuha kull ġurnata, allura fina tikber ukoll ix-xewqa li naqsmu l-ferħ u nġorru t-toqol ta’ dawk ta’ madwarna; qalbna tinfetaħ u nsiru dejjem aktar kapaċi nilqgħu `l ħuna b‘dak li hu jkun qed jgħix f’kull mument. Imbagħad din l-imħabba lejn ħuna twassalna biex nidħlu f’rabta dejjem aktar intima m’Alla.

Meta ngħixu b’dan il-mod naraw l-ambjent ta’ madwarna jinbidel, ibda mir-rabtiet fil-familja, fl-iskola, fil-postijiet tax-xogħol u fil-komunità fejn ngħixu. U nroddu ħajr meta naraw li f’ħin jew ieħor jasal dak il-waqt li fih l-imħabba sinċiera li nkunu tajna lill-oħrajn, tasal lura għandna u hekk issir imħabba lejn xulxin.

Din hi l-esperjenza qawwija li għamlu żewġ familji: waħda Nisranija u oħra Musulmana, li qasmu flimkien mumenti diffiċli u oħrajn ta’ tama. Meta Ben marad serjament, Tatiana u Paolo qagħdu l-isptar ma’ martu Basma u maż-żewġ uliedhom, sa dakinhar li miet. Għalkemm Basma kienet qed tbati minħabba t-telfa ta’ żewġha, hi baqgħet mal-ħbieb tagħha Nsara biex titlob għal persuna oħra marida serjament; talbet għaliha fuq tapit li qegħditu jħares lejn id-direzzjoni tal-Mekka. Basma qalet hekk: “L-akbar ferħ hu meta tħossok parti minn ġisem wieħed, fejn kulħadd għandu għal qalbu l-ġid tal-oħrajn”.

Letizia Magri

1. C. Lubich,  L-imħabba lejn xulxin: punt fundamentali tal-ispiritwalità tal-unità, kungress tal-Insara Ortodossi, Castel Gandolfo, 30 ta’ Marzu 1989, p. 4.

 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.