Illum “il-qdusija trid toħroġ barra mill-kunventi, tkun preżenti fid-djar, fl-iskejjel, fit-toroq, fl-uffiċċji, fil-Parlamenti…”1, għax illum iktar minn qabel aħna konxji li anki l-lajċi huma msejħa biex isiru qaddisin.
Imma dawn kif jistgħu jgħixu fid-dinja u jsibu l-għaqda ma’ Alla meta ma jkunux imwarrba, mhumiex imħarsa bil-ħitan tal-kunvent, meta huma nieqsa mill-għajnuna li dari kienet titlob il-ħajja spiritwali?
Huma mhux biss m’għandhom xejn xi jħarishom, imma jgħixu dejjem imdawrin bin-nies, fejn qabel kienu jippreferu jżommu ’l bogħod minnhom.
Biex ngħid hekk il-ġawhra kważi tibda tiddi.
Imnebbħin minn kariżma, l-Ispirtu s-Santu ssuġġerielna li propju ħutna, li qabel kienu meqjusa bħala ostaklu, jistgħu saħansitra jsiru t-triq biex naslu għand Alla: il-bieb, it-triq, il-mogħdija biex naslu għandU.
Naturalment, b’kundizzjoni waħda: li ma jkunux huma li jinfluwenzawna b’imġibithom ħafna drabi umana, imma li ninfluwenzawhom aħna, bl-imġiba tagħna sopranaturali. Kif? Nafu: b’imħabbitna. Inħobbuhom wieħed wieħed matul il-ġurnata, il-ġurnata kollha. Inħobbuhom b’dik l-arti tal-imħabba li hi divina, ħaġa li hi possibbli biss bl-imħabba li l-Ispirtu s-Santu sawwab fi qlubna.
Aħna lkoll nafu dan x’jitlob minna. X’jiġri jekk nagħmlu hekk? Filgħaxija, aħna u nitolbu jew anki matul il-ġurnata, meta ninġabru għal xi mument waħedna m’Alla, aħna nintebħu bil-preżenza Tiegħu. Hu jkun ġie għandna għax aħna nkunu morna għandU f’ħutna.
Hekk isseħħ dik l-għaqda li ħafna minna għaddew minnha, imma ma jafux ifissruha bi kliemhom forsi għax hi ġdida, tinħass bis-sensi tar-ruħ u timla ’l qalbna bl-imħabba.
B’dan il-mod, bil-preżenza Tiegħu, nistgħu nirrevedu dak kollu li aħna nagħmlu.
Fost l-oħrajn jiġri li b’riżultat ta’ dan, jekk aħna ksibna dan kollu permezz ta’ ħuna maħbub minna, hu mhux biss ħa xi ħaġa tajba mingħandna, imma wkoll sar il-benefattur tagħna: kisbilna aktar minn dak li stajna nittamaw.
Mela jeħtieġ li nkunu grati lejh u dan iqegħedna f’atteġġament ta’ umiltà, virtù li hija meħtieġa biex tħobb.
Chiara Lubich
Meħud mill-ktieb: “L-Arti tal-Imħabba”, Chiara Lubich.
Be the first to comment