29 ta’ Ottubru: it-tifkira tal-Beata Chiara Luce Badano

Il-Beata Chiara Luce Badano twieldet f’Sassello fid-29 ta’ Ottubru 1971. Il-koppja Badano kienu ilhom snin jistennew it-twelid ta’ tarbija, u Chiara kienet l-unika tifla li kellhom. Rabbewha f’għożża kbira u tawha edukazzjoni nisranija soda.

IItaqgħet mal-Moviment tal-Fokolari meta kellha 9 snin. Alla-Mħabba kellu l-ewwel post fil-ħajja tagħha, u kienet tagħmel ħilitha kollha biex tirċievi lil Ġesu’ Ewkaristija kuljum. Meta din it-tfalja ħelwa, sportiva u mimlija talenti bdiet tikber, hi wkoll kienet toħlom li tibni familja, iżda kienet tħoss li Ġesu’ huwa “l-Għarus” tagħha u aktar ma beda jgħaddi ż-żmien aktar beda jsir il-“kollox” ta’ ħajjitha.

Kellha 17-il sena meta ġiet milquta minn marda qerrieda. Bdiet għaliha t-triq tal-Kalvarju; kellha tiffaċċa bosta mumenti iebsin, iżda hi għexet din it-tbatija b’serenita’ kbira. Bosta drabi kienet ittenni “Jekk dan hu li trid int Ġesu’, irridu jien ukoll”. Kienet tittrażmetti paċi u ferħ u għalkemm il-forza fiżika tagħha kienet naqset għal kollox, hi kienet tisħaq “imma qalbi għadha hemm u allura għadni nista’ nħobb”.

Meta bdiet tħoss li qed joqrob iż-żmien tat-tluq lejn is-sema, hi bdiet tħejji ruħha bħal qisu għall-festa tat-tieġ. Ftit qabel ma mietet qalet lil ommha: “Kun ferħana, għax jien ferħana!”

Mietet fis-7 ta’ Ottubru 1990, ftit qabel ma għalqet 19-il sena. Kienet iddikjarata venerabbli fit-3 ta’ Lulju 2008, u ġiet ibbeatifikata fil-25 ta’ Settembru 2010.

Ftit ġranet wara l-beatifikazzjoni tagħha, Papa Benedittu XVI kien qal:
“Naħseb li lkoll tafu li fil-25 ta’ Settembru tfalja Taljana, li jisimha Chiara Badano ġiet iddikjarata beata. Nistedinkom issiru tafuha: il-ħajja tagħha kienet qasira, imma l-messaġġ tagħha hu stupend. Twieldet fl-1971 u mietet fl-1990. Dsatax-il sena ta’ ħajja, imħabba u fidi. L-aħħar sentejn kienu mimlija tbatija, iżda hi dejjem wasslet l-imħabba u d-dawl li kienu ħerġin minn qalb mimlija b’Alla. Kif jista’ jkun li tfajla ta’ 17, 18-il sena tgħix tbatija bħal din, bla ebda tama ta’ fejqan u xxerred madwarha mħabba, serenita’, paċi u fidi?

Hu ċar li din hi grazzja t’Alla, imma ma’ din il-grazzja kien hemm ukoll il-kollaborazzjoni umana: il-kollaborazzjoni ta’ Chiara stess, u anki dik tal-ġenituri tagħha u ta’ ħbiebha…”.

 


 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.