13 ta’ Mejju 1944: Ħsieb ta’ Igino Giordani

It-13 ta’ Mejju hi data importanti fl-istorja ta’ Chiara Lubich u tal-Moviment tal-Fokolari. Igino Giordani, magħruf bħala Foco u li għex ħafna qrib ta’ Chiara jirrakkonta dwar dak li ġara fit-13 ta’ Mejju 1944.

“Fit-13 ta’ Mejju, il-belt ta’ Trento kienet milquta mit-tieni bumbardament qawwi u kienu ġġarrfu bosta djar (…). Id-dar fejn kienet toqgħod Chiara ġarrbet ħafna ħsarat; waqgħu xi ħitan u nkiser il-ħġieġ. Chiara, Dori u Natalia (tnejn mill-ewwel ħbieb ta’ Chiara) ma setgħux jibqgħu joqogħdu fid-djar fejn kienu jgħixu. U parti kbira mill-isptar fejn kien jaħdem ħu Chiara bħala tabib waqgħet wkoll, u kien hemm ħafna nies feruti u mejtin.

Dakinhar stess Chiara ltaqgħet ma’ Dori u għannqu lil xulxin: it-tnejn kienu bla dar. Marret l-isptar u rat l-istraġi kbira li kien hemm. Gino, ħuha t-tabib, għadda dan il-kumment: “Frugħa tal-frugħat; kollox jispiċċa”.

Hi u l-ġenituri tagħha għaddew il-lejl barra fil-ġnien jismu Gocciadoro, u bdew jaraw fejn setgħu jmorru biex isibu post għall-kenn. Chiara ftakret li meta għamlet il-vot tal-kastità, kienet wegħdet lid-direttur spiritwali tagħha li ma kenitx ser titlaq minn Trento. Il-ħsieb tal-firda mill-familja tagħha ġab miegħu tbatija, u bdiet tibki ħafna. Il-ġenituri li ma kienux jafu għalfejn qed tibki bdew jippruvaw jikkunslawha. Sabet il-faraġ meta ftakret fil-kliem: Omnia vincit amor! (L-imħabba tirbaħ kollox). U bdiet titlob u tħares lejn il-kwiekeb jagħmlu l-mixja tagħhom fis-sema (…).

Ftit qabel ma beda jisbaħ, meta l-ġenituri tagħha marru d-dar biex jiġbru l-ftit affarijiet li setgħu ħalli jmorru jsibu post għall-kenn, Chiara marret tgħid lil missierha li hi ma setgħetx tmur magħhom minħabba l-wegħda li kienet għamlet: niżlet għarkupptejha quddiemu u ħarset lejh b’għajnejha mimlija dmugħ. Missierha berikha (…), iżda meta marret tgħid lil ommha sabet reżistenza.

Il-ġenituri tagħha telqu lejn il-kampanja bil-barżakki fuq spallejhom: hi ma kellha xejn f’idejha, b’qalbha maqsuma telqet tibki lejn il-belt meqruda. F’ħin minnhom tiltaqa’ ma’ mara, li dehret qisha waħda miġnuna. Kienet qed tbati u qalet lil Chiara: ‘Erbgħa mietuli!’ Chiara bdiet tfarraġha, u ħasbet li kellha tinsa it-tbatija tagħha biex taħseb fit-tbatija tal-umanità”

Igino Giordani

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.