Ġurnata Dinjija taż-Żgħażagħ 2023 / 3

4 ta’ Awwissu

Biżżejjed tħares lejn il-filmati li qed jaslu biex tgħid li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ hu workshop dinji li qed jagħti sehem meraviljuż biex tissaħħaħ it-tama fir-realta’ ta’ dinja magħquda.

Mill-aħbarijiet li waslulna sirna nafu li l-bieraħ Papa Franġisku beda l-ġurnata tiegħu b’laqgħa ma’ 15-il pellegrin, żgħażagħ mill-Ukrajna; laqgħa li saret fin-Nunzjatura u damet madwar siegħa. Il-bieraħ fil-għodu kien hemm ukoll laqgħa li fiha l-Papa indirizza lill-istudenti universitarji. Jingħad li kien hemm madwar 7000 żgħażagħ jisimgħu d-diskors tiegħu li fih hu ħeġġiġhom biex jagħtu sehemhom “għall- koregrafija ġdida li tirrispetta ż-żifna tal-ħajja billi tpoġġi l-persuna fiċ-ċentru”.

Iżda l-higħlight tal-ġurnata tal-bieraħ kienet il-“Welcome Ceremony” li saret fil-għaxija fl-Eduardo VII Park. Papa Franġisku kien mogħti merħba mill-isbaħ bi spettaklu ta’ kuluri, ta’ bnadar u fuq kollox bl-ilħna ta’ mijiet ta’ eluf ta’ żgħażagħ mid-dinja kollha li xtaqu jesprimu dak li qalb żagħżugħa tħoss f’mumenti speċjali bħal dawn. Fid-dikors ta’ merħba li Franġisku għamel liz-żgħażagħ, baqgħu jidwu l-kliem “Fil-Knisja hemm post għal kulħadd!”

Messaġġ li wasal mill-grupp tagħna f’Lisbona jgħid hekk:  Għadha kif spiċċat il-Welcome Ceremony. It-toroq tal-belt huma mimlija bi gruppi ta’ żgħażagħ, kollha jiċċelebraw, jieklu u jgħixu flimkien atmosfera mill-isbaħ. Bil-kliem sempliċi tiegħu, il-Papa kellem lill-qalb taż-żgħażagħ.”

Vivienne Attard
.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.