Kelma tal-Ħajja ta’ Lulju

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Kull min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom, li ma jitlifx il-ħlas tiegħu” (Mt 10, 42).

L-evanġelista San Mattew kien skriba u mgħallem Nisrani tajjeb ħafna. Hu kien jaf sew  il-wegħdiet lil Abraham, Iżakk u Ġakobb. Għalih, dak li Ġesù qal u għamel kien biex dawn il-wegħdiet  jitwettqu. Għalhekk, fil-Vanġelu tiegħu nsibu dak li Ġesù għallem f’ħames diskorsi kbar, li fihom narawh bħala l-Mosè l-ġdid.

Din il-Kelma tal-ħajja nsibuha fi tmiem “id-Diskors Missjunarju”, li jibda bl-għażla tat-tnax-il appostlu, u jgħidilna wkoll xi kwalitajiet irid ikollhom dawk li jippriedkaw. L-appostli kienu se jsibu ruħhom quddiem nies li ma jifhmuhomx u għalhekk kellhom ikunu xhieda li titwemmen, anki permezz ta’ għażliet radikali.

Mhux hekk biss: Ġesù jurina li dawn il-mibgħuta tiegħu riedu jsibu għeruqhom fil-missjoni li Hu stess kien irċieva mingħand il-Missier. It-Testment il-Qadim jinsisti b’qawwa kbira x’jeħtieġu l-mibgħuta ta’ Alla, fejn ikun Alla stess li jitkellem u jaħdem. Għalhekk hi l-istess imħabba t’Alla li, permezz tax-xhieda ta’ Ġesù u tal-mibgħutin tiegħu, tasal għand kull bniedem.

Kull min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom, li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.

Barra mill-missjoni stess ta’ xi wħud minnhom: l-appostli, ir-ragħajja, il-profeti…, Ġesù jħabbar li kull Nisrani jista’ jkun dixxiplu tiegħu, u fl-istess ħin ikun dak li jilqa’ ġo fih u jwassal il-missjoni tiegħu. Aħna lkoll, bħala dixxipli, anki jekk “żgħar”, nieqsa minn kwalitajiet u tagħlim speċjali, nistgħu nsiru xhieda t’Alla li jinsab qrib tagħna. Il-komunità kollha Nisranija tintbagħat fost il-bnedmin mill-Missier tagħna lkoll.

Permezz ta’ ħutna l-bnedmin, ilkoll kemm aħna rċevejna mingħand Alla attenzjoni, kura, maħfra u fiduċja. Ilkoll nistgħu nagħtu xi ħaġa lill-oħrajn, biex tasal għandhom il-ħlewwa tal-imħabba ta’ Alla, l-istess kif għamel Ġesù tul il-missjoni tiegħu. Fil-Missier għandna l-garanzija li l-“affarijiet iż-żgħar” jistgħu jibdlu d-dinja. Imqar jekk nagħtu biss tazza ilma friska.

“Issa ma jgħoddx nistgħux nagħtu ħafna jew ftit. L-importanti hu ‘kif’ nagħtu, kemm nitfgħu mħabba anki billi noqogħdu attenti għall-bżonnijiet iż-żgħar tal-oħrajn. Kultant biżżejjed toffri tazza ilma, tazza ilma ‘friska’. (…) Dan hu ġest sempliċi u kbir f’għajnejn Alla kemm-il darba aħna nagħmluh f’Ismu, jiġifieri b’imħabba. (…) Il-Kelma tal-ħajja ta’ dan ix-xahar tista’ tgħinna niskopru mill-ġdid kemm tiswa kull ħaġa li nagħmlu: ibda mix-xogħol fid-dar jew fl-għelieqi, f’xi ħanut jew uffiċċju, l-istudju tal-istudenti, kif ukoll ir-responsabiltajiet tagħna fil-qasam ċivili, politiku u reliġjuż. Kollox jista’ jinbidel f’qadi magħmul b’attenzjoni u ħeġġa. L-imħabba mbagħad tagħtina għajnejn ġodda biex nintebħu bil-bżonnijiet tal-oħrajn u ngħinuhom b’qalbna kollha. Dan x’riżultat iħalli? Dak li nagħtu jinqasam bejnietna għax l-imħabba ġġib imħabba. Il-ferħ jiżdied għax: ‘min jagħti hu aktar hieni minn min jirċievi’[1][2].

Kull min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom, li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.

Dak li qed jitlob minna Ġesù mhuwiex ħaġa żgħira. Ma rridu qatt nieqfu milli nwasslu l-imħabba ta’ Alla lill-oħrajn. Din l-imħabba titlobna nersqu lejn kull bniedem b’qalb miftuħa u b’qadi konkret, u mmorru lil hinn mill-ġudizzji u l-kategoriji tagħna.

Ġesù jridna naħdmu miegħu, inkunu nies kreattivi u responsabbli mill-ġid ta’ kulħadd, ibda mill-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum. Imma fl-istess ħin mhux sejjer ma jħallasniex għal kull ma nagħmlu. Hu jinsab il-ħin kollu ħdejna, biex jieħu ħsiebna fil-missjoni tagħna.

“(…) Tlaqt ix-xogħol li kelli l-Filippini u mort l-Awstralja biex ningħaqad mal-familja tiegħi (…). Sibt xogħol ma’ kuntrattur u kont innaddaf il-kmamar tal-ikel u tal-uffiċċji, użati minn xi 500 ħaddiem. Xogħol għal kollox differenti minn dak li kelli qabel bħala inġinier (…). Biex inħobb lil dawn il-ħaddiema, nieħu ħsieb li l-kmamar tal-ikel ikunu dejjem nodfa u li kollox ikun f’postu. Madankollu, dejjem issib lil min ma jagħtix każ tal-indafa (…). Ma tliftx il-paċenzja għax għalija din hi opportunità biex inħobb lil Ġesù f’kull min niltaqa’ miegħu. Ftit ftit, dawn in-nies bdew huma wkoll inaddfu wara li jkunu kielu u mbagħad biż-żmien sirna ħbieb u bdejt niġi stmat u afdat (…). Għamilt l-esperjenza li l-imħabba tittieħed u dak li jsir b’imħabba jibqa.”[3]

Letizia Magri u t-team tal-Kelma tal-ħajja

[1] At 20, 35.

[2] C. Lubich Kelma tal-Ħajja Ottubru 2006, fil-ktieb Kliem il-Ħajja ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Roma 2017) pġ. 792-793.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.