Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju

Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti


“Ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu tafehma waħda, żommu s-sliem, u Alla tal-imħabba u s-sliem ikun magħkom” (2 Kor 13, 11).

B’għożża kbira San Pawl ħa ħsieb l-iżvilupp tal-komunità Nisranija fil-belt ta’ Korintu; mar iżurha u għenha meta kienet għaddejja minn mumenti diffiċli.

Iżda b’din l-ittra hu qed jiddefendi lilu nnifsu minn akkużi ta’ predikaturi oħrajn, li ma kienx jogħġobhom l-istil tiegħu, għax hu ma kienx jitħallas għall-ħidma appostolika tiegħu, ma kienx mirqum fl-istil ta’ kif kien jippriedka, u kien jistqarr in-nuqqas ta’ ħila tiegħu u kien jgħix fuq l-eżempju ta’ Ġesù.

Madankollu, fi tmiem din l-ittra, San Pawl wassal kliem ta’ fiduċja u tama: 

Ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu tafehma waħda, żommu s-sliem, u Alla tal-imħabba u s-sliem ikun magħkom”.

L-ewwel ħaġa li toħroġ b’mod ċar hi li t-twissijiet tiegħu qed jagħtihom lill-komunità kollha, għax fil-komunità wieħed jista’ jħoss il-preżenza t’Alla. Id-dgħufija tal-bniedem iġġib nuqqas ta’ qbil u ta’ sinċerità fil-kliem; il-ftehim magħmul b’rispett lejn id-diversità bejn il-bnedmin jispiċċa fix-xejn. Dan in-nuqqas jista’ jitfejjaq bil-preżenza t’Alla fil-komunità li jnissel il-paċi fi qlub il-bnedmin.

San Pawl qed iħeġġighom biex iġibu ruħhom skont kif jgħid il-Vanġelu: biex jaraw li jseħħ il-pjan t’Alla fuq kulħadd, bħala aħwa ta’ xulxin; biex jinħabbu b’dik l-imħabba kollha faraġ t’Alla; jieħdu ħsieb xulxin, billi jaqsmu flimkien l-aktar xewqat profondi tagħhom; jilqgħu lil xulxin, billi joffru u jilqgħu ħniena u maħfra; ikebbsu l-fiduċja u jagħtu widen lil xulxin.

Dawn huma għażliet li nagħmluhom għax irridu, u kultant jitolbu minna l-kuraġġ li nkunu “sinjal ta’ kontradizzjoni” mal-mentalità tad-dinja.

Minħabba f’hekk San Pawl jitlobhom ukoll biex f’dan kollu jqawwu qalb xulxin. Għalih dak li jgħodd hu li jħarsu u jixhdu bil-ferħ il-valur imprezzabbli tal-għaqda u s-sliem, b’imħabba u fil-verità. Kollox u dejjem irid iserraħ fuq il-blata tal-imħabba inkondizzjonata t’Alla li timxi mal-poplu tiegħu.  

Ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu tafehma waħda, żommu s-sliem, u Alla tal-imħabba u s-sliem ikun magħkom”.

Biex ngħixu din il-Kelma tal-ħajja, bħal Pawlu aħna wkoll rridu nħarsu lejn l-eżempju u s-sentimenti ta’ Ġesù, li ġie biex iwasslilna l-paċi li jaf jagħti Hu1. Infatti l-paċi “[…] mhijiex biss nuqqas ta’ gwerra, ta’ ġlied, firda u feriti fi qlub il-bnedmin. […]: hi milja ta’ ħajja u ferħ, hi salvazzjoni sħiħa tal-persuna sħiħa, hi libertà, hi dak is-sens ta’ aħwa fl-imħabba fejn il-ġnus kollha jinħabbu bejniethom. […] U x’għamel Ġesù biex jagħtina l-paċi “tiegħu”? Ħallas hu personalment. […] Intefa’ fost l-għedewwa tiegħu, ħa fuqu l-piż tal-mibegħda u l-firdiet, waqqa’ l-ħitan li kienu jifirdu l-ġnus2. […]

 

Biex nibnu l-paċi aħna wkoll rridu mħabba qawwija fi qlubna, kapaċi saħansitra li nħobbu lil min ma jħobbniex, naħfru u negħlbu l-għedewwa tagħna b’imħabba; inħobbu pajjiż ħaddieħor daqs li kieku kien tagħna. […] Hi titlob minna wkoll qlub u għajnejn ġodda biex inħobbu u naraw lil kulħadd bħala ħuna. […] Hekk kiteb Igino Giordani: “Il-ħażen jinbet f’qalb il-bnedmin”, u “biex inneħħu l-periklu tal-gwerra rridu nwarrbu l-ispirtu ta’ aggressjoni u egoiżmu għax il-gwerra minnhom ġejja: jeħtiġilna nibnu kuxjenza ġdida”3.4

Bonita Park hu kwartier ta’ Hartswater, raħal żgħir ta’ bdiewa fl-Afrika t’Isfel. Bħall-bqija tal-pajjiż kollu, fih għadhom jinħassu l-effetti tar-reġim tal-Apartheid, l-aktar fil-qasam tal-edukazzjoni: is-suġġetti li jitgħallmu ż-żgħażagħ suwed u ta’ razez imħalltin huma anqas minn dawk ta’ gruppi etniċi oħra, bir-riskju li dan jista’ jġib firdiet fis-soċjetà.

Il-proġett “The Bridge” nibet biex joħloq medjazzjoni bejn il-gruppi etniċi ta’ dawk l-inħawi u b’hekk ikunu jistgħu jersqu lejn xulxin b’rispett lejn id-differenzi kulturali. Beda programm ta’ tagħlim li jsir wara l-iskola u nħoloq spazju fejn jiltaqgħu flimkien: post fejn jiltaqgħu l-kulturi differenti ta’ tfal u żgħażagħ. Din il-komunità qed turi xewqa kbira sabiex  jaħdmu flimkien. Karlu offru t-trakk qadim tiegħu biex imur iġib l-injam ħalli jsiru l-bankijiet. Is-surmast ta’ skola f’dawk l-inħawi offra pitazzi u kotba, u l-Knisja Riformata Olandiża tat ħamsin siġġu. Kulħadd ta sehemu biex jissaħħaħ dan il-pont bejn il-kulturi u r-razez5.

 

  1. Ara Ġw 14, 27.
  2. Ara Ef 2, 14-18.
  3. L’inutilità della guerra, Ruma 2003, it-tieni edizzjoni, pġ. 111.
  4. C. Lubich, Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 2004, fil-ktieb Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5; Città Nuova, Ruma 2017) pġ. 709-710.
  5. Cf.:https://www.unitedworldproject.org/workshop/sudafrica-un-ponte-tra-culture; Spazju familja, Marzu 2019, pġ. 10-13

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.