Jesús Morán, il-Ko-president tal-Moviment tal-Fokolari kiteb dwar il-Pontfikat ta’ Franġisku, dwar “il-ħajta tad-deheb” li nisġet il-missjoni tiegħu fit-tmexxija tal-Knisja.
“Qed jiġu quddiem għajnejja dawk il-mumenti meta kelli x-xorti nieħu b’idejn il-Papa, inħoss l-imħabba fit-tbissima tiegħu, it-tenerezza f’ħarstu, il-qawwa ta’ kliemu……” – hekk kiteb Jesús Morán, il-Ko-president tal-Moviment tal-Fokolari, u stqarr li għalkemm ma kienx intenzjonat li jikteb xi tema dwar il-pontifikat ta’ Franġisku, iżda ħassu mqanqal biex ifittex “dik il-ħajta tad-deheb” li nisġet il-missjoni li hu wettaq waqt it-tnax-il sena li mexxa l-Knisja.
Moran qal li l-aħħar diskorsi ta’ Franġisku kienu ta’ ispirazzjoni għalih għax ra fihom “iċ-ċavetta” tal-ħsieb tal-Papa u ta’ dak kollu li għamel. Fil-fatt hu kkwota mill-omelija li Franġisku ħejja għall-Quddiesa tal-Għid, u wasal għall-konklużjoni li “jekk irridu nifhmu lil Franġisku, hemm bżonn nirreferu għal dan l-assolut: Kristu, Kristu biss, Kristu li hu kollox”. Kristu kien iċ-ċentru tal-ħajja ta’ Franġisku. U dan biss jista’ jwassalna biex nifhmu l-enċikliċi u l-eżortazzjonijiet appostoliċi li kiteb, il-vjaġġi li għamel, l-għażliet u l-bidliet li wettaq, il-ġesti, il-kliem, l-omeliji, il-laqgħat, l-imħabba tiegħu għall-bniedem – hekk argumenta Moran. .
U kompla jgħid li “din iċ-ċentralità kristoloġika twasslna biex ngħidu li, kważi bla ma indunajna, għexna ma’ Papa profondament mistiku. Papa Franġisku ħaseb u għex il-Knisja: mhux bħala organizzazzjoni reliġjuża…, u wisq anqas bħala dik li hi ċentru ta’ poter ekonomiku, soċjali jew politiku; imma bħala poplu t’Alla, ġisem ta’ Kristu, Knisja li tilqa’, tagħti kenn u wens lill-umanità….; Knisja miftuħa għall-umanità, biex tagħti servizz, għax Ġesù hu “l-qalb tad-dinja”. Qal ukoll li minn din iċ-ċentralità ta’ Kristu ħarġu żewġ pilastri fundamentali tal-maġisteru ta’ Franġisku: il-ħniena u t-tama, li jwassluna biex nifhmu anki l-messaġġi soċjali u ekoloġiċi tiegħu.
Fil-kitba tiegħu, Jesús Morán tkellem ukoll dwar ir-rabta li Franġisku kellu mal-Moviment tal-Fokolari. Iddeskrivieha bħala waħda “profonda”. Qal li matul it-tnax-il sena tal-pontifikat tiegħu, il-Papa indirizza lill-Moviment b’mod uffiċjali għaxar darbiet u ltaqa’ mal-poplu ta’ Chiara f’diversi okkażjonijiet. “F’dawn il-laqgħat stajna naraw l-imħabba kbira u l-għożża pastorali li Papa Franġisku kellu għall-Moviment”.
Moran temm jgħid hekk: “Papa Franġisku kien għad-dinja messaġġ ta’ fraternità, radikat fi Kristu, b’qalb miftuħa għal kulħadd. Il-fraternità hi l-ġejjieni waħdieni possibbli. Aħna, poplu tal-unità, jeħtieġ li ngħożżu dan il-wirt b’umiltà, enerġija u responsabbiltà”.
Traduzzjoni: Vivienne Attard
Photo © Vatican Media
Sors: https://www.focolare.org/en/pope-francis-all-in-christ/
Add Comment