Henjin dawk li jġibu l-paċi

Meditazzjoni ta' Chiara Lubich, Radju Vatikana, 2 ta' Frar 1981.

Henjin dawk li jġibu l-paċi għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5,9).
Taf min huma dawk li jġibu l-paċi li dwarhom jitkellem Ġesù?
Mhumiex dawk il-persuni  li nsejħulhom paċifiċi, li jippreferu  joqogħdu għall-kwiet, li ma jissaportux kwestjonijiet,  li juru li huma nies li  jħobbu l-kwiet meta  fil-fatt spiss ma jkunux iridu min jiddisturbhom jew idejjaqhom.  Dawk li jġibu l-paċi lanqas ma huma dawk il-persuni twajba li jgħidu li jafdaw f’Alla  u allura ma jagħmlu ebda reazzjoni meta xi ħadd jipprovokhom jew joffendihom. Dawk li jġibu l-paċi  huma dawk li tant iħobbu l-paċi  li ma jibżgħux jidħlu fl-inkwiet  biex iġibu l-paċi  fejn hemm nuqqas ta’ qbil. 

Henjin dawk li jġibu l-paċi għax huma jissejħu wlied Alla” .

Jista’ jġib il-paċi dak il-bniedem li għandu l-paċi ġewwa fih.   Biex tkun bniedem li ġġib il-paċi, trid l-ewwelnett tgħix  f’għaqda ma’ Alla u tgħix ir-rieda tiegħu f’kull mument. Iġibu l-paċi dawk il-persuni  li jagħmlu kull sforz biex jibnu rabtiet bejn il-bnedmin, billi jfittxu li jikkalmaw it-tensjonijiet  u dak l-istat ta’ gwerra bierda  li jinħoloq fl-ambjent tal-familja, fuq il-post tax-xogħol, fl-iskola, waqt l-isport, bejn in-nazzjonijiet, eċċ.

[…] Ta’ kuljum, it-televiżjoni, il-gazzetti u r-radju  jgħidulek li d-dinja hi bħal  sptar kbir u li l-ġnus huma bħal nies morda li għandhom bżonn ta’ nies li jġibu l-paċi, li jfejqu  r-relazzjonijiet  li qed ikun ta’ theddida  għall-paċi u jistgħu jġibu l-gwerra, jekk ukoll  il-gwerra  mhux  ġa bdiet.     

Henjin dawk li jġibu l-paċi għax huma jissejħu wlied Alla” .

Il-paċi hi aspett karatteristiku tar-rabtiet insara,  u  min jemmen ifittex li jibniha ma’ dawk  kollha li jiġi f’kuntatt magħhom jew li kultant jiltaqa’ magħhom. Huma rabtiet ta’ mħabba sinċiera fejn la hemm qerq u lanqas ingann, fejn la hemm  vjolenza u lanqas mibegħda jew piki jew egoiżmu.

Inkunu tassew qed inġibu rivoluzzjoni  jekk naħdmu  u nibnu relazzjonijiet bħal dawn fid-dinja;  ir-relazzjonijiet li normalment jeżistu  fis- soċjetà  huma ta’ tip ieħor u ma tantx jinbidlu.

Ġesù kien jaf  ma’ xiex kellhom iħabbtu wiċċhom il-bnedmin fl-għajxien tagħhom flimkien  u għalhekk  talab lid-dixxipli tiegħu  biex  dejjem ikunu huma li jagħmlu l-ewwel pass, bla ma jistennew jew jippretendu xejn mill-oħrajn: “Imma jien ngħidilkom: ħobbu l-għedewwa tagħkom… Jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed?” 

Henjin dawk li jġibu l-paċi għax huma jissejħu wlied Alla” .

Ġesù ġie biex iġib il-paċi. Il-messaġġ  u l-imġiba  tiegħu dejjem kellhom dan l-iskop. Iżda din ir-rabta ġdida li  wieħed jibni mal-oħrajn spiss twassal  biex jinkixfu rabtiet soċjali foloz; turi l-vjolenza li jkun hemm moħbija fir-rabtiet bejn il-bnedmin, u l-bniedem ma jiħux pjaċir meta  toħroġ din il-verità. Xi drabi jista’ jkun hemm ir-riskju li wieħed iwieġeb  bil-mibegħda u l-vjolenza kontra min ifixkel il-pjan u l-istrutturi li jkunu jeżistu. Ġesù, li ġie biex isib il-paċi, inqatel  bil-vjolenza tal-bnedmin. (…) 

Henjin dawk li jġibu l-paċi għax huma jissejħu wlied Alla” .

Kif ser ngħixu din il-Kelma? L-ewwelnett billi nwasslu l-imħabba fid-dinja. (…) Imbagħad irridu nagħtu s-sehem tagħna  bi prudenza meta l-paċi tkun mhedda. Ħafna drabi jkun biżżejjed  nisimgħu sewwa u b’imħabba kbira lil dawk li jkollhom xi jgħidu bejniethom u s-soluzzjoni għall-paċi tinstab. Imbagħad tajjeb napprezzaw is-sens ta’ umoriżmu li jista’ jgħin  ħafna biex jonqsu t-tensjonijiet  bejn il-persuni. Kitba Lhudija tgħid: “Is-saltna tal-ġejjieni hi ta’ dawk li jħobbu jiċċajtaw  għax huma jġibu l-paċi lil dawk li jkollhom xi jgħidu bejniethom”. Importanti wkoll li ma noqogħdux  bi kwietna qabel  ma naraw li r-rabtiet li jkunu nkisru, ħafna drabi minħabba xi ħmerija, jerġgħu jinbnew.

Tista’ tagħti s-sehem tiegħek  għall-paċi, forsi anki  f’xi għaqda jew assoċjazzjoni  li tinsab fiha billi  taħdem  biex jitwaqqfu  xi inizjattivi partikulari  ħalli jikber l-għarfien tal-ħtieġa għall-paċi .

[…] Importanti  li ma nibqgħux  b’idejna fuq żaqqna u ngħixu l-ftit jiem  ta’ ħajjitna fuq din l-art  bla ma nagħmlu xejn  għall-proxxmu tagħna  u bla ma nħejju  ruħna  sew għall-ħajja li hemm tistenniena.

Chiara Lubich
Radju Vatikana, 2 ta’ Frar 1981

Download pdf



Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.