Maria Voce, President tal-Fokolari, lill-“Elijah Interfaith Institute” ta’ Ġerusalemm
“Dak kollu li jiġri fil-ħajja jitmexxa mill-Awtur tal-istorja, li hu Alla, u Alla jrid il-ġid tal-bnedmin […]. Anki jekk xi drabi l-libertà tal-bniedem twassal għall-konsegwenzi negattivi, imma Alla hu kapaċi […] joħroġ it-tajjeb anki minn dawn is-sitwazzjonijiet negattivi”. Skont Maria Voce, il-President tal-Moviment tal-Fokolari, din hi l-akbar tagħlima li l-kriżi tal-coronavirus qed toffri lill-bnedmin.
F’intervista li tat għar-Rabbi Alon Goshen-Gottstein, direttur tal-Elijah Interfaith Institute ta’ Ġerusalemm, iI-President tal-Fokolari tkellmet ukoll dwar benefiċċji oħra tal-pandemija: “F’dan iż-żmien qed toħroġ aktar l-importanza ta’ ċertu valuri, bħas-solidarjetà, l-ugwaljanza fost il-bnedmin, it-tħassib dwar l-ambjent”. Id-dinja toħroġ aħjar minn din il-kriżi jekk nagħrfu “negħlbu l-firdiet marbuta mal-preġudizzji, mal-kultura, biex naraw li aħna lkoll aħwa li nagħmlu parti mill-familja kbira ta’ wlied Alla”.
Maria Voce kompliet tgħid li jekk inħarsu madwarna naraw bosta eżempji ta’ solidarjetà. Qalet li l-isforz ta’ tant tobba u infermiera li jfittxu li jqanqlu fiduċja, li jagħtu tbissima, li jbatu meta jaraw li ma jirnexxilhomx isalvaw il-ħajja, qed iħalli effett kbir u jkompli jsaħħaħ lil dawk il-pazjenti li jirnexxilhom ifiequ. Qalet ukoll: “Fil-Moviment tagħna, ħafna nies poġġew ruħhom għad-dispożizzjoni ta’ min hu qrib tagħhom biex jgħinuh fil-bżonnijiet li jkollu; ħafna tfal taw l-affarijiet tal-logħob tagħhom lil tfal oħra biex dawn ukoll ikollhom xi ftit ta’ faraġ”. Osservat li anki fejn jidħlu r-relazzjonijiet internazzjonali hemm eżempji ta’ solidarjetà, l-aktar fil-qasam mediku u fuq livell ta’ ħsieb ekonomiku.
Iżda saħqet li minkejja din ix-xhieda ma nistgħux inwarrbu l-isfidi li din il-kriżi qiegħda ġġib magħha. Qalet li flimkien ma’ dawk personali hi kellha quddiemha l-isfidi ta’ tmexxija ta’ moviment internazjonali, u li kellha: “ tieħu deċiżjonijiet li jġibu magħhom diffikultajiet fuq livell personali u ekonomiku”. Kompliet tgħid: “Ħassejt li kelli nsejjaħ lill-kollaboraturi diretti tiegħi biex fid-deċiżjonijiet li nieħdu flimkien inpoġġu l-interess tal-persuni qabel kull interess ieħor”.
Qalet li ma nistgħux niċħdu li qed ngħixu f’sitwazzjoni li ġabet magħha l-biża’, imma “jeħtieġ nitgħallmu ngħixu f’din is-sitwazzjoni ta’ biża’ filwaqt li ma nħallux il-biża’ jwaqqafna”. Jeħtieġ li ngħixu ankrati fil-preżent. Temmet l-intervista tagħha billi kkwotat kliem ta’ Chiara Lubich, il-fundatriċi tal-Fokolari: “L-imħabba biss tkeċċi l-biża’, u fejn hemm l-imħabba perfetta m’hemmx biża’. Mela, jekk inżidu l-imħabba, jonqos il-biża’ għax l-imħabba tgħinna nagħmlu dawk l-azzjonijiet li l-biża’ tfittex li tikkondizzjona meta niġu biex nagħmluhom”.
To watch the full interview click here
Be the first to comment