Esperjenzi marbuta maċ-ċirkostanzi partikulari li qed ngħixu fihom minħabba l-pandemija.
Naf x’nagħmel – nagħtiha l-kompjuter tiegħi
Kont qed nieħu sehem f’laqgħa online meta waħda minn sħabi qasmet magħna li hemm familja għaddejja minn problemi ekonomiċi serji u li t-tifla tagħhom għandha bżonn ta’ kompjuter biex f’dan iż-żmien tal-coronavirus tkun tista’ tkompli l-lezzjonijiet u l-istudju tagħha mid-dar. Minħabba li jien għalliema, malajr stajt nifhem kemm hu bżonnjuż il-kompjuter għal din it-tfajla. Kif nista’ ngħinha?
Naf x’nagħmel – ħsibt – nagħtiha l-kompjuter tiegħi, u nuża biss il-laptop. Kien hemm xi ħaġa żgħira li riedet tirranġa ruħha f’dan il-kompjuter, u għalkemm għall-ewwel ma kienx faċli nsib min jirranġaha, iżda fl-aħħar irnexxili u stajt nagħtihulha fl-aħjar kundizzjoni biex tkun tista’ tibda taħdem fuqu mill-ewwel. Din it-tfajla kienet kuntenta ħafna, imma anki jien kont kuntenta ħafna wkoll.
(S.Z)
Sirna nafu li għandhom it-television set bil-ħsara
Ilna snin ħbieb ma’ familja mis-Sirja. Din il-koppja li għandhom erbat itfal telqu minn Aleppo minħabba l-gwerra u qegħdin Malta bħala refuġjati. Bħalissa l-missier qed jagħmel xi xogħol barra minn Malta, imma l-mara u l-erbat itfal qegħdin hawn: joqogħdu f’appartament li poġġewh għad-dispozzjoni tagħhom koppja li tgħix l-ispiritwalità tal-unità.
Dejjem fittixna li nkunu qrib ta’ din il-familja u għalhekk kemm ilha li faqqgħet il-pandemija, għamilna kuntatt magħhom biex naraw jekk humiex tajbin u jekk għandhomx bżonn xi affarijiet tal-ikel. Staqsejna wkoll jekk għandhomx bżonn xi ħaġa għat-tfal, l-aktar minħabba l-lezzjonijiet online li qed isiru mill-iskola. F’waħda mit-telefonati sirna nafu li għandhom it-television set bil-ħsara. Għaddejna l-kelma bejnietna biex naraw x’nistgħu nagħmlu u t-tweġiba malajr waslet: fi tlett ijiem kellhom television set id-dar; xi ħadd kellu television set ċkejken u kien lest li jagħtihulhom.
(A.C.)
Concrete love and Providence seem to work hand in hand ?