“Kif kien għall-Maġi, hekk hu għalina”

Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ħamis 6 ta’ Jannar 2022

Il-Maġi vvjaġġaw lejn Betlehem. Il-pellegrinaġġ tagħhom ikellem lilna wkoll, imsejħin biex nimxu lejn Ġesù, għax hu l-istilla polari li ddawwal is-smewwiet tal-ħajja u torjenta l-passi tagħna lejn il-ferħ veru. Imma mnejn telaq il-pellegrinaġġ tal-Maġi biex jiltaqgħu ma’ Ġesù? X’ġiegħel lil dawk l-irġiel tal-Lvant biex jitilqu fi vjaġġ?

Kellhom l-aqwa skużi biex ma jitilqux. Kienu għorrief u astrologi, kellhom fama u għana. B’din il-kumdità kulturali, soċjali u ekonomika, setgħu jserrħu fuq dak li kienu jafu u fuq dak li kellhom, joqogħdu bi kwiethom. Imma, huma jħallu jinkwetawhom mistoqsija u sinjal: “Fejn hu dak li twieled sultan tal-Lhud? Għax rajna l-kewkba tiegħu tielgħa” (Mt 2:2). Qalbhom ma titmewwitx fl-għerien tal-apatija, imma hi għatxana għad-dawl; ma titkaxkarx għajjiena mit-telqa, imma hi mixgħula min-nostalġija ta’ ixfqa ġodda. Għajnejhom mhumiex mitfugħa lejn l-art, imma huma twieqi miftuħa għas-sema. Kif qal Benedittu XVI, kienu “bnedmin ta’ qalb ħosbiena. […] Irġiel li qed jistennew, li ma jikkuntentawx ruħhom bid-dħul fiż-żgur tagħhom u bil-pożizzjoni soċjali li għandhom […]. Kienu fittiexa ta’ Alla” (Omelija, 6 ta’ Jannar 2013).

Dan it-tħassib tajjeb, li wassalhom biex jitilqu f’pellegrinaġġ, fejn jitwieled? Jitwieled mix-xewqa. Dan hu s-sigriet ġewwieni tagħhom: kienu jafu jixtiequ. Ejjew nimmeditaw fuq dan. Li nixtiequ jfisser li nżommu ħaj in-nar imkebbes ġo fina u li jwassalna biex immorru lil hemm mill-immedjat, lil hemm minn dak li jidher. Li nixtiequ jfisser li nilqgħu l-ħajja bħala misteru ikbar minna, bħala xaqq dejjem miftuħ li jistedinna nħarsu lil hemm iżjed, għax il-ħajja mhix “kollha hawn”, qiegħda wkoll “band’oħra”. Hi bħal tila bajda li għandha bżonn tal-kulur fuqha. Proprju pittur kbir, Van Gogh, kiteb li l-bżonn ta’ Alla wasslu biex joħroġ billejl biex ipitter il-kwiekeb. Iva, għax Alla hekk għamilna: magħġuna bix-xewqat; orjentati, bħall-Maġi, lejn il-kwiekeb. Nistgħu ngħidu, mingħajr ma nesaġeraw, li aħna nsiru dak li nixtiequ. Għax huma x-xewqat li jwessgħu l-ħarsa tagħna u jieħdu l-ħajja lil hemm: lil hemm mill-ħitan tad-drawwa, lil hemm minn ħajja ċċattjata mill-konsum, lil hemm minn fidi ripetittiva u għajjiena, lil hemm mill-biża’ li nirriskjaw, li nħabirku għall-ġid tal-oħrajn u għat-tajjeb. “Ħajjitna”, kiteb Santu Wistin, “hija taħriġ tax-xewqa” (Trattati fuq l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann, IV, 6).

Ħuti, kif kien għall-Maġi, hekk hu għalina: il-vjaġġ tal-ħajja u l-mixja tal-fidi għandhom bżonn tax-xewqa, ta’ bidla interjuri. Xi drabi aħna ngħixu spirtu ta’ “parkeġġ”, ngħixu pparkjati, mingħajr din ix-xewqa mħeġġa li tmexxina ’l quddiem aktar. Nagħmlu sew nistaqsu: fejn wasalna fil-vjaġġ tal-fidi? Forsi m’ilniex biżżejjed imwaħħlin, ipparkjati f’reliġjon konvenzjonali, esterjuri, formali, li ma għadhiex issaħħan lill-qalb u tibdel il-ħajja? Il-kliem u r-riti tagħna qed iqanqlu fil-qalb tan-nies ix-xewqa li jimxu lejn Alla, jew huma “lingwa mejta”, li titkellem biss dwarha nfisha u lilha nfisha? Xi swied ta’ qalb meta komunità ta’ fidi ma tibqax tixtieq u, għajjiena, tkaxkar saqajha torganizza l-affarijiet tas-soltu flok tħalli jissorprendiha lil Ġesù, il-ferħ sorprendenti u skomodanti tal-Vanġelu! X’għafsa ta’ qalb meta saċerdot jagħlaq il-bieb għax-xewqa; kemm hi kerha li taqa’ fil-funzjonaliżmu klerikali, kerha ħafna!

Il-kriżi tal-fidi, fil-ħajja tagħna u fis-soċjetajiet tagħna, għandha x’taqsam ukoll mal-fatt li għebet ix-xewqa għal Alla. Għandha x’taqsam mar-raqda tal-ispirtu, bid-drawwa li nikkuntentaw ruħna ngħixu l-ġurnata, mingħajr qatt nistaqsu Alla xi jrid minna. Ingħalaqna wisq fuq il-mapep tal-art u nsejna ngħollu ħarsitna ’l fuq lejn is-Sema; aħna mxebbgħin b’tant affarijiet, imma neqsin min-nostalġija ta’ dak li jonqosna. Nostalġija ta’ Alla. Iffissajna fuq il-bżonnijiet, fuq x’sa nieklu u x’sa nilbsu (ara Mt 6:25), u ħallejna ttir mar-riħ ix-xewqa għal dak li jmur lil hemm. U sibna ruħna fil-bulimja ta’ komunitajiet li għandhom kollox u spiss ma jħossu xejn iżjed f’qalbhom. Persuni magħluqa, komunitajiet magħluqa, isqfijiet magħluqa, qassisin magħluqa, ikkonsagrati magħluqa. Għax in-nuqqas ta’ xewqa jwassal għad-diqa, għall-indifferenza. Komunitajiet imdejqa, qassisin imdejqa, isqfijiet imdejqa.

Imma fuq kollox ejja nħarsu lejna nfusna u nistaqsu: kif sejjer il-vjaġġ tal-fidi tiegħi? Hija mistoqsija li llum nistgħu nagħmlu, kull wieħed u waħda minna. Kif sejjer il-vjaġġ ta’ ħajti? Ipparkjata jew miexja? Il-fidi, biex titlaq u terġa’ titlaq, għandha bżonn issib ix-xewqa li żżommha ħajja, li tirriskja fl-avventura ta’ relazzjoni ħajja ma’ Alla. Imma l-qalb tiegħi għadha mmexxija mix-xewqa ta’ Alla? Jew qed inħalli d-drawwa u d-delużjonijiet jitfuha? Illum, ħuti, huwa l-jum li nagħmlu dawn il-mistoqsijiet. Illum huwa l-jum biex nerġgħu nibdew nkabbru x-xewqa. U kif nagħmlu dan? Immorru fl-“iskola tax-xewqa”, immorru għand il-Maġi. Huma jgħallmuna, fl-iskola tagħhom tax-xewqa. Inħarsu lejn il-passi li għamlu u nieħdu minnhom xi tagħlimiet”.

Papa Franġisku

 

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.