Chiara Lubich: Fejn hemm il-karità u l-imħabba, Alla hemm jinsab

Illum 18 ta’ Jannar tibda l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara. L-Insara tal-Lvant Nofsani li hejjew il-proposti għal din il-ġimgħa ta’ talb qalu: “It-triq ġdida għall-Knejjes hi t-triq ta’ għaqda li tidher u li rridu nimxu fiha b’sagrifiċċju, kuraġġ u qlubija, hekk li jum wara l-ieħor ‘Alla jkun kollox f’kollox’ (1 Kor 15, 28)”. F’intervista li TV tal-Bavarja kienet għamlet lil Chiara Lubich fl-1988 f’Montet, l-Isvizzera, hi kienet tkellmet dwar kif l-Insara jistgħu jimxu ‘l quddiem fit-triq tal-unità. 

Biex nitkellmu dwar l-għaqda fost l-Insara, hemm bżonn naħsbu li l-ewwel wieħed li beda jippromwovi l-għaqda ma kienx xi nisrani minn Knisja jew minn oħra: kien l-Ispirtu s-Santu li qanqal lill-Insara għall-għaqda. Il-programm għall-għaqda, qabel ma jinsab fina, jinsab f’Alla. Mela, inkunu nies tassew prudenti u għorrief jekk nimxu warajH u nimxu warajh billi nisimgħu dak il-vuċi li hemm fina u tgħidilna: agħmel dak il-pass, agħmel dak il-pass l-ieħor.

Il-Knejjes poġġew ruħhom fuq dawn iż-żewġ binarji: l-għaqda fl-imħabba, id-djalogu tal-karità, bħal dak li għexu Athenagoras u l-Papa Pawlu VI, u mbagħad id-djalogu fil-verità fost il-Knejjes u anki fost gruppi ta’ Knejjes.  Hi ħaġa tajba li wieħed iżomm l-idea tal-imħabba  bħala l-bażi,  għax l-imħabba twassal għall-preżenza ta’ Ġesù f’nofsna. Fejn hemm il-karità u l-imħabba, Alla hemm jinsab.  U jekk Hu jkun fostna, Hu jista’ jissuġġerixxi, jista’ jdawwal  anki lit-teoloġi biex isibu t-toroq li jwasslu għall-għaqda  u biex isibu l-verità waħdanija, li forsi wieħed ikun jista’ jikkunsidra minn bosta punti di vista.

X’hemm bżonn li nagħmlu? Inkomplu fuq din it-triq li l-Knejjes qed jimxu fuqha: id-djalogu tal-imħabba u d-djalogu tal-verità, fil-verità.

Dwar dak li għandu x’jaqsam mal-unità tal-umanità, nara li hemm ħafna x’qed iqanqal għall-mixja lejn l-unità  u fosthom hemm ukoll dik ix-xi ħaġa żgħira li qed nagħmlu aħna. Iżda nħoss li hemm bżonn jaqgħu ħafna ħitan; jekk jaqgħu l-ħitan, ħafna affarijiet ikunu solvuti. (…) Jekk inxerrdu l-Kristjaneżmu u mill-ġdid nagħtuh il-ħajja fil-Knejjes tagħna,  jekk jirnexxilna nagħtu xhieda aħjar ta’ Kristu u nwasslu l-prinċipji nsara permezz tad-djalogu ma’ nies ta’ reliġjonijiet  oħra u ma’ dawk  ta’ rieda tajba, żgur li nkunu dejjem aktar ħaġa waħda bejnietna. Ġesù ġie fuq l-art biex il-bnedmin kollha jkunu aħwa bejniethom. Imma l-final Alla jafu.

Chiara Lubich

 (Chiara Lubich, Una spiritualità per la unità dei cristiani, Città Nuova, 2020, p. 122-123)

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.