“Dare to Care” – Esperjenzi marbuta maċ-ċirkostanzi partikulari li qed ngħixu fihom minħabba l-pandemija.
Malajr ġejt f’posti
Għandi erba’ neputijet; tnejn minnhom li għandhom 20 sena qed jistudjaw. Wieħed kien qed jagħmel xogħol part-time ġo restorant, iżda minħabba l-pandemija, ir-restorant għalaq u dan spiċċa bla xogħol. Għandna appartament li nikruh, u bil-kera li ndaħħlu konna qed ngħinu xi ftit lil dawn in-neputijiet, l-aktar issa li m’hemmx xogħol. Malli bdiet il-pandemija, min jikri l-appartament ġie jitlobni biex ma jħallas kera għal xi ftit xhur. Kif smajt din it-talba mal-ewwel ġew f’moħħi n-neputijiet, iżda malajr ġejt f’posti meta ftakart li kull proxxmu huwa ħija u li kelli nkun sensittiva għall-bżonnijiet ta’ kulħadd. Tkellimt ma’ żewġi u qbilna li kellna nagħtu l-għajnuna tagħna: konna lesti li ma nieħdu ebda ħlas ta’ kera sakemm is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi. Din id-deċiżjoni mlietni b’ferħ kbir.
C.B
Agħti u jingħatalek
Matul ix-xahar ta’ Marzu sirt naf li tfajla mill-Ewropa tal-Lvant li tgħix Malta kellha problema: ma setgħetx tkompli tgħix fl-appartament fejn kienet toqgħod. Aħna għandna appartament li s-soltu nikruh, iżda inzerta li dak ix-xahar kien vojt. Tkellimt mar-raġel tiegħi u anki hu kien kuntent li din it-tfajla tmur toqgħod fih bla ħlas sakemm terġa’ ssib ix-xogħol. Meta waslet il-ġurnata li kelli niltaqa’ magħha biex nagħtiha ċ-ċwievet kont xi ftit nervuża u anki mbeżża’ minħabba l-coronavirus. Iżda b’fiduċja kbira fl-imħabba t’Alla għamilt ħilti biex negħleb dan kollu, u meta ltqajt magħha ħassejtni tassew kuntenta. Jien ukoll kelli nieqaf mix-xogħol part-time li kont qed nagħmel minħabba l-coronavirus, iżda propju f’dawn l-istess ġranet, waslet ħafna providenza: il-karrozza li kienet bil-ħsara, ssewwiet bla ma ħallasna sold; waslu xi flus li ma konniex qed nistennewhom mingħand il-ġenituri tagħna u anki xi għajnuna finanzjarja oħra ….. Tassew li lil Alla ħadd ma jgħaddih fil-ġenerożita’.
S.B
Grazzi ta’ dawn l-esperjenzi sbieh. Jaghmlulek kuragg biex taghmel il-parti tieghek.