Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna” (At 4, 33).
Din il-Kelma tal-Ħajja qed tistedinna biex, bil-libertà kollha ta’ min iħaddan il-messaġġ tal-Vanġelu, nagħtu xhieda tal-ġrajja li għadha tidwi fl-istorja: Ġesù qam mill-mewt!
Biex nifhmu sew xi jfisser dan il-kliem li hu meħud mill-Atti tal-Appostli, tajjeb nagħtu titwila lejn dak li hemm miktub fil-vers ta’ qabel: “Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda. Ħadd minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu, iżda kellhom kollox flimkien”[1].
“B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna”.
Din is-silta mill-Atti tal-Appostli turina kif l-ewwel komunità Nisranija, imsaħħa bl-Ispirtu s-Santu, kienet magħquda ħaġa waħda biex ixxandar il-Vanġelu lil kulħadd. Il-kelma ‘Vanġelu’ tfisser l-aħbar li Kristu rxoxta.
Huma kienu l-istess nies li, qabel l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu, kienu mbeżżgħin u mħawdin bl-aħħar ġrajjiet li kienu seħħew. Issa ħarġu fil-beraħ; lesti li jagħtu xhieda ta’ dan anki akkost tal-martirju. Dan kollu għax il-qawwa tal-Ispirtu kissret kull biża li kellhom.
Huma kienu qalb waħda u ruħ waħda, kienu jħobbu ʹl xulxin hekk li kienu jaqsmu flimkien il-ġid li kellhom. U dan kien qed jinfirex fost numru ta’ nies li beda dejjem jiżdied.
Nisa u rġiel li mxew wara Ġesù kienu semgħu kliemu, għexu miegħU u b’imħabba kienu qdew nies imwarrbin u morda. Kienu raw b’għajnejhom il-mirakli li kien għamel. Ħajjithom kienet inbidlet ta’ taħt fuq għax kienu msejħa biex jgħixu liġi ġdida. Huma kienu l-ewwel xhieda tal-preżenza ħajja ta’ Alla fost il-bnedmin. Imma għalina, li llum il-ġurnata ninsabu mexjin wara Ġesù, x’ifisser ‘nagħtu xhieda’?
“B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna”.
L-aħjar mod kif nagħtu xhieda tal-Irxoxt hu li nuru li Hu ħaj u qed jgħix f’nofsna. “Jekk ngħixu dak li qalilna, […] billi nħobbu ʹl-proxxmu tagħna, jekk nagħmlu ħilitna kollha biex ngħożżu dejjem l-imħabba ta’ bejnietna, imbagħad l-Irxoxt jgħix ġo fina, jgħix fostna u hekk jiddi d-dawl tal-grazzja tiegħu, jibdel l-ambjenti fejn ngħixu b’effetti li lanqas biss nistgħu nobsru. U jkun Hu, bl-Ispirtu tiegħu, li jmexxi l-passi tagħna u kulma nagħmlu. Ikun Hu li jagħtina l-okkażjoni biex inwasslu ħajtu lil dawk li tant jeħtiġuH”[2].
“B’qawwa kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej Ġesù, u kulħadd kien iġibhom ħafna”.
Margaret Karram[3] kitbet hekk: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu”[4]. Dan hu l-kmand straordinarju li elfejn sena ilu l-appostli laqgħu direttament mingħand Ġesù u li biddel l-istorja tal-bniedem. Illum Ġesù qed jagħmel l-istess stedina lilna wkoll: qed jagħtina l-possibiltà li nwassluH mad-dinja kollha b’mod kreattiv, bil-ħila u l-libertà li tana Hu stess”[5].
Din hi aħbar li “ma tintemmx bil-mewt tiegħu, anzi! Meta Kristu qam mill-mewt u l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli, din l-aħbar ħadet qawwa ġdida; l-appostli saru xhieda mimlija kuraġġ tal-Vanġelu. U issa, f’dawn iż-żminijiet, Ġesù qed jibgħat lilna wkoll. Permezz tiegħi, permezz ta’ kull waħda u wieħed minna, Alla jrid ikompli jirrakkonta l-Istorja Tiegħu ta’ mħabba lil dawk kollha li għandhom sehem mill-ħajja tagħna”[6].
Patrizia Mazzola
u t-team tal-Kelma tal-Ħajja
[1] Atti 4, 32.
[2] C. Lubich, Kelma tal-Ħajja ta’ Jannar 1986, mill-ktieb, Parole di Vita, ta’ Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5), Città Nuova, Ruma 2017, pġ. 347.
[3] Presidenta tal-Moviment tal-Fokolari.
[4] Mk 16, 15.
[5] Margaret Karram, Imsejħin u mibgħutin, Rocca di Papa, 15 ta’ Settembru 2023.
[6] Ibid.
Be the first to comment