Niżżel il-fuljett tal-Kelma tal-Ħajja bil-Malti
“Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa mil-lvant u ġejna nadurawh”[1] (Mt 2,1 u Mt 2, 2).
Dan il-kliem, li nsibuh biss fil-Vanġelu ta’ San Mattew, qaluh xi “nies għorrief”, li kienu waslu mill-bogħod biex jaraw lil Ġesù tarbija.
Dawn l-għorrief kienu jagħmlu parti minn grupp żgħir ta’ nies. Huma kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ vjaġġ twil li fih imxew wara daqsxejn ta’ dawl, biex ifittxu Dawl akbar, universali: is-Sultan li kien twieled fid-dinja. Xejn ma nafu aktar dwar dawn in-nies, imma din il-ġrajja fiha ħafna x’tixtarr u b’hekk nistgħu nirriflettu fuqha u fuq il-ħajja Nisranija tagħna.
Din is-sena, dan il-kliem qed jipproponuh xi Nsara tal-Lvant Nofsani għall-ġranet meta niċċelebraw il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara[2]. Din hi okkażjoni prezzjuża biex flimkien nerġgħu naqbdu l-mixja tagħna, inkunu lesti li nilqgħu ʹil xulxin, imma fuq kollox inkunu xhieda ta’ mħabbtU għal kull persuna u poplu ta’ din l-art.
“Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa mil-lvant u ġejna nadurawh”.
Fid-dokument li fih hemm il-proposti għal din il-Ġimgħa ta’ Talb, l-insara mil-Lvant Nofsani kitbu hekk: “[…] fil-kewkba li dehret tiddi fis-sema tal-Ġudea naraw sinjal ta’ tama li tant ilna nixtequh. Dan is-sinjal mexxa s-Slaten Maġi, f’isem il-ġnus kollha tal-art, lejn il-post li fih deher il-veru Sultan u Feddej tal-bnedmin. Il-kewkba hi rigal, hi sinjal tal-preżenza kollha mħabba t’Alla għalina lkoll. […] Il-Maġi juruna dik l-għaqda li Alla jrid li ssaltan fost il-ġnus kollha. Huma telqu minn pajjiż ʹil bogħod u jirrapreżentaw kulturi differenti, iżda huma kienu kollhom ħeġġa biex jaraw u jagħrfu s-Sultan li kien għadu kif twieled. Huma nġabru flimkien fl-Għar ta’ Betlem, biex hemm jagħtuH qima u joffrulu r-rigali tagħhom. L-insara huma msejħa biex ikunu sinjal tal-għaqda li Hu jixtieqha ssaltan fid-dinja.
Għalkemm ġejjin minn kulturi, razez u ilsna differenti, l-Insara kollha jaqsmu flimkien ix-xewqa li jsibu ʹl Kristu biex jadurawH. Għalhekk, bħal dik il-kewkba, il-missjoni tagħhom hi li jkunu sinjal biex imexxu l-bnedmin għatxana għal Alla u jwassluhom għand Kristu, u biex ikunu għodda f’idejn Alla ħalli sseħħ l-għaqda bejn il-ġnus kollha”[3]. Il-kewkba li dehret tiddi għall-Maġi qiegħda hemm għalina lkoll. Qabelxejn hi qed tixgħel fil-fond tal-kuxjenza tagħna u biha ddawlilna mħabbitna. Ilkoll kemm aħna nistgħu nitfgħu ħarsitna fuqha biex nilmħuha, nimxu warajha u naslu biex niltaqgħu m’Alla u ma’ ħutna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ħalli b’dan il-mod naqsmu flimkien mill-ġid kollu tagħna.
“Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa mil-lvant u ġejna nadurawh”.
Li nagħtu ġieh lil Alla hi ħaġa fundamentali biex nagħrfu ʹl xulxin kif aħna quddiemU: żgħar, fraġli, dejjem fil-bżonn tal-maħfra u l-ħniena. B’hekk b’mod sinċier inkunu disposti li nġibu ruħna mal-oħrajn. Dan il-ġieh, li jingħata biss lil Alla, nesprimuh b’mod sħiħ meta nadurawH.
Jista’ jgħinna f’dan kollu dak li qalet Chiara Lubich: “[…] xi tfisser “tadura” ʹl Alla? Dan għandna nagħmluh biss lilU. Tadura jfisser tgħid lil Alla: “Inti kollox”, jiġifieri: “Inti dak li int”; u jiena għandi l-privileġġ immens tal-ħajja biex nagħraf Lilu, […]. Dan ifisser ukoll: […] “Jiena ma jien xejn”. U ma rridux ngħiduh biss bil-kliem. Biex naduraw ʹl Alla jeħtiġilna nsiru xejn u nħallu Lilu jirbaħ fuq kollox fina u fid-dinja. […]
Imma l-aħjar triq biex naslu ħalli ngħidu b’mod żgur li aħna m’aħna xejn u Alla hu kollox hi waħda pożittiva. Biex inxejnu l-ħsibijiet tagħna ma rridu nagħmlu xejn għajr li naħsbu f’Alla u jkollna l-istess ħsibijiet tiegħu kif imfissra fil-Vanġelu. Biex inxejnu r-rieda tagħna kulma rridu nagħmlu hu li nwettqu r-rieda Tiegħu fil-mument preżenti. Biex inwarrbu l-inklinazzjonijiet imħawda tagħna, biżżejjed inżommu f’qalbna mħabbitna lejH u nħobbu ʹl ħutna l-bnedmin meta jaqsmu magħna l-inkwiet u l-weġgħat kif ukoll il-problemi u l-ferħ tagħhom. Jekk dejjem inkunu “mħabba”, bla ma nindunaw aħna mmutu għalina nfusna. U biex ngħixu x-xejn tagħna, irridu nistqarru b’ħajjitna li Alla hu superjuri għalina, Hu kollox, biex hekk ninfetħu għall-adorazzjoni vera tiegħu”[4].
“Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa mil-lvant u ġejna nadurawh”.
Nistgħu inħaddnu l-istess ħsibijiet tal-Insara tal-Lvant Nofsani: “Imbagħad, billi kienu mwissijin f’ħolma, qabdu triq oħra u reġgħu lura lejn arthom”[5]. Bl-istess mod, il-komunjoni li naqsmu fit-talb ta’ flimkien għandha tispirana biex nerġgħu lura lejn ħajjitna, lejn il-Knejjes tagħna u lejn id-dinja minn toroq ġodda. […] Illum, biex nintefgħu fil-qadi tal-Vanġelu, irridu nimpenjaw ruħna u nħarsu d-dinjità umana, l-aktar dik tan-nies foqra, debboli u mwarrbin. […] It-triq ġdida lura lejn il-Knejjes tagħna hi t-triq tal-għaqda magħmula b’sagrifiċċju, kuraġġ u ħila biex hekk, jum wara l-ieħor, “Alla jkun kollox f’kollox (1 Kor 15, 28)”[6].
Letizia Magri
[1] Il-Kelma li qed nipproponu hi meħudha minn Mt 2, 1 u Mt 2, 2.
[2] Fil-pajjiżi tat-tramuntana, id-data tradizzjonali li fiha tiġi ċċelebrata l-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara, hi bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar. Fil-pajjiżi ta’ nofsinhar, fejn Jannar hu żmien ta’ vaganzi, il-Knejjes jiċċelebraw il-Ġimgħa ta’ Talb f’dati oħra, bħal fi żmien Pentekoste, li hu simbolu tal-għaqda tal-Knejjes. Din hi stedina biex inżommu ħaj l-impenn ekumeniku tagħna matul is-sena kollha.
[3] Cfr. http://www.christianunity.va/content/unitacristiani/it/news/2021/spuc-2022.html.|
[4] Ibid.
[5] Cfr. Mt 2, 12.
Be the first to comment