“Ejjew nipproponu li aħna wkoll ngħixu bħal Marija”

Silta meħuda minn meditazzjoni ta’ Chiara Lubich “Bħal Ommna Marija”

“(…) Hemm mod u mod kif nagħtu ġieħ lil Marija. Nistgħu nagħtuha ġieħ billi nitkellmu dwarha,  nfaħħruha, nitolbuha, inżuruha fil-Knejjes iddedikati lilha; billi npinġuha, nagħmlu skulturi tagħha, inkantawlha innijiet, billi npoġġu l-fjuri quddiem l-istatwi tagħha (…). Hemm ħafna modi li permezz tagħhom nistgħu nagħtu ġieħ lil Marija.

Iżda hemm wieħed li jgħaddihom ilkoll: dak li nimitawha, li nġibu ruħna qisna hi oħra fuq din l-art. Naħseb li dan hu l-aktar mod li jogħġobha għax hekk, b’ċertu mod, hi tkun tista’ terġa’ tiġi tgħammar fid-dinja. Hemm bżonn li aħna nimmiraw għal dan il-mod, bla ma neskludu l-possibbiltajiet l-oħra; jeħtieġ  li nimitawha.

Imma nimitawha kif?  Fiex nimitawha? Nimitawha f’dak li hu l-aktar essenzjali. Hi Omm, hi omm Ġesù u spiritwalment hi l-omm tagħna lkoll: Irridu nkunu nixbhu lilha bħala omm.

Dan  ifisser li rridu nagħmlu proponiment: nersqu  lejn kull proxxmu daqslikieku konna l-omm ta’ dak il-proxxmu. Omm dejjem lesta li tilqa’, li tgħin, li tittama, li tgħatti (…). Omm taħfer lil binha kull ħaġa li jagħmel, anki jekk dan ikun delinkwenti jew terrorista.

Jekk ikollna qalb ta’ omm, jew aħjar jekk nipproponu li jkollna l-qalb tal-Omm per eċċellenza: ta’ Marija, inkunu dejjem lesti li nħobbu lill-oħrajn f’kull ċirkustanza.  Jekk ikollna l-qalb ta’ din l-Omm, inħobbu lil kulħadd (…), lil kull bniedem li jgħix fuq din l-art.

Marija tħobb dejjem u tħobb lil kulħadd, anki meta ma tirċevix lura l-imħabba li tagħti. Mela, dan għandu jkun l-proponiment tagħna: ngħixu bħal Marija: inkunu ommijiet tal-bnedmin kollha.

Chiara Lubich

(Traduzzjoni ta’ silta minn  “Come Maria MadreCercando le cose di Lassù – P.41-42)

1 Comment

  1. Thank you. What you learn about Mother Mary is never enough. Here is another way of living to Her standard.

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.