Meta waħda mill-grupp tagħna qaltilna li għandha siġra kbira tal-Milied li xtaqet tagħtiha, mill-ewwel bdejt naħseb kif l-aħjar stajna nagħmlu użu minnha. Ġa kont qed nara xi stajna nagħmlu f’dan il-Milied biex nuru l-imħabba tagħna lir-refuġjati li hemm fid-dar tal-Bon Pastur, Ħal-Balzan. Lil dawn immorru nżuruhom darba fix-xahar, u s-soltu norganizzawlhom festin ċkejken, iżda din is-sena, minħabba l-Covid-19, ma stajniex nagħmlu dan.
Għalhekk f’qalbi għidt: din is-siġra tal-Milied Ġesu’ pprovidieha għad-dar tal-Bon Pastur! F’din id-dar hemm mal-250 refuġjat, il-biċċa l-kbira familji żgħar li għandhom tfal ċkejknin, u allura ftit aktar atmosfera ferrieħa tal-Milied żgur li setgħet tkun apprezzata. Din l-idea għoġbot anki lill-ħabiba tagħna li kienet lesta li tagħti s-siġra, u l-amministratur tad-dar laqagħha b’idejh miftuħa. Urejna x-xewqa li titpoġġa f’post fejn seta’ jgawdiha kulħadd.
Ma ħadniex biss is-siġra għax kien hemm xi ħadd li offra t-tiżjin u xi ħaddieħor li offra d-dwal. Ħabiba mill-Knisja Anglikana, li tiġi magħna kull xahar biex iżżur lir-refuġjati, ħasbet ukoll għar-rigali. Meta morna b’din-siġra, iltqajna ma’ raġel mill-Eritrea u mat-tifla tiegħu li għandha erba’ snin u s-security guard mis-Serbia ħadilna xi ritratti flimkien quddiem is-siġra.
Morna lura d-dar b’ ferħ kbir. Kemm hu veru dak li jgħid Papa Franġisku! Tassew li l-ispirtu tal-Milied inħossuh meta nagħmlu bħalma għamel Ġesu’: ninsew lilna nfusna biex noħorġu għall-oħrajn, l-aktar għal dawk fil-bżonn u mwarrba mis-soċjeta’.
ACC
Beautiful experience of generosity, solidarity and pooling resources. Well done !!
Nifraħ li qsamtu dan il-ferħ mar-refuġjati.