Gratitudni għas-solidarjetà li qed tasal minn kullimkien u impenn flimkien ma’ diversi komunitajiet reliġjużi biex jgħinu lill-pajjż iqum fuq saqajh u jkun messaġġier tal-paċi.
Ilkoll nafu li l-Libanu jinsab taħt xokk kbir. Beirut saret belt li ma tingħarafx, u kull fejn tħares tara xeni apokalittiċi: qerda massiċċa, arja kontaminata, tensjoni kbira, niket u dwejjaq, rabja u issa anki episodji ta’ vjolenza.
Ftit ġranet ilu waslet ittra propju minn dan il-pajjiż miġrugħ b’feriti enormi. Din l-ittra miktuba mill-komunita’ tal-Fokolari fil-Libanu hi indirizzata lill-membri tal-Moviment fid-dinja kollha.
Tgħid hekk: “B’dawn il-versi, kull wieħed u waħda minna jixtieq jirringrazzja personalment lil kull wieħed u waħda minnkom. Inħossuna kommossi għall-aħħar meta naraw kemm intom tinsabu tassew qrib tagħna; qed jaslulna telefonati u messaġġi minn kull parti tad-dinja, mingħand kbar u żgħar, mill-bogħod u mill-qrib”.
Il-membri tal-Fokolari jkomplu jgħidu: “Kull filgħodu, malli nqumu u nkomplu niskopru kemm kienet kbira din il-katastrofi, il-ħsara enormi li saret, l-isptarijiet li ma jistgħux jiffunzjonaw minħabba t-tifrik li ġarrbu, l-arja ħażina ta’ madwarna, tassew nagħrfu l-grazzja li għadna ħajjin. Kull wieħed seta’ kien propju hemm fil-post tat-traġedja. U forsi xi ħadd minna kien hemm ukoll, imma l-id tal-providenza wasslitu biex jibdel postu u jmur x’imkien ieħor. Ilkoll inħossu li ġiet mogħtija lilna ħajja ġdida, kif qalet tfajla meta ħarġet minn lift li ġarrab ħsarat kbar waqt l-esplużjoni”.
U komplew jirrakkuntaw li fit-toroq fejn qisek bħal tisma’ l-għajta tad-disperazzjoni, tara “ membri ta’ komunitajiet reliġjużi diversi, min-naħa ta’ fuq u ta’ isfel tal-pajjiż, jaħdmu biex ineħħu t-terrapin u jtaffu xi ftit mill-ħerba kbira li hemm. Filwaqt li jagħmel dak li jista’, kull wieħed minn dawn qed jagħti xhieda ta’ “qawmien” li għad jirbaħ fuq il-mewt ta’ din il-belt, ta’ dan il-pajjiż, tal-ħolm ta’ ħafna”.
Temmew jgħidu; “Flimkien magħkom, irridu nibqgħu mexjin ‘l quddiem sabiex il-Libanu jitwieled mill-ġdid u jwassal messaġġ ta’ paċi u ta’ għaqda; juri li l-bnedmin huma lkoll aħwa ta’ xulxin u jkun mudell ta’ dinja magħquda”.
Anna Lisa Innocenti
Sors: www.focolare.org
Be the first to comment