Kemm hi sabiħa Ommna Marija

Meditazzjoni ta’ Chiara Lubich

“Mater Cristi”, Ave Cerquetti, Centre Art, Loppiano, Italy

Kemm hi sabiħa Ommna Marija f’dik il-gabra dejjiema, kif insibuha fil-Vanġelu: “Kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha” (Lq. 2, 51).

Dak is-skiet kollu tagħha jsaħħar lil kull min iħobb.

Kif nista’ ngħix bħal Marija, f’dak is-skiet mistiku, meta kultant aħna nkunu msejħin biex nitkellmu ħalli nevanġeliżżaw, qalb is-sinjuri u l-foqra, fil-postijiet tax-xogħol, fit-toroq, fl-iskejjel u kulimkien?

Anki l-Omm tagħna tkellmet. U tatna lil Ġesù. Ħadd qatt ma kien appostlu daqsha. Ħadd qatt ma tkellem bħalha, hi li tat il-Verb.

L-Omm tagħna jistħoqqilha tkun tassew Sultana ta’ l-Appostli.

U hi siktet. Siktet għax tnejn ma jistgħux jitkellmu f’daqqa. Il-kelma trid dejjem tistrieħ fuq is-skiet bħalma biċċa pittura jkollha l-isfond tagħha.

Hi siktet għax kienet krejatura. Għaliex dak li hu xejn ma jitkellimx. Imma fuq dak ix-xejn tagħha tkellem Ġesù, u qalilna min hu.

Alla il-ħallieq, tkellem fuq ix-xejn tal-krejatura.

Mela kif nista’ ngħix bħal Marija? Kif nista’ nħalliha tidher fil-ħajja tiegħi?
Billi nsikket il-bniedem il-qadim ta’ ġo fija, u fuq dak is-skiet inħalli l-Ispirtu s-Santu jitkellem.

Hekk ngħix lil Marija u ngħix lil Ġesù.

B’hekk Marija u Ġesù jidhru fil-ħajja tiegħi.

 

Chiara Lubich

Original and complete text: New City Press, Chiara Lubich, Essential Writings p 137-138

2 Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.