F’kumment tagħha dwar il-kliem ta’ Ġesù: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja”, Chiara Lubich qalet:
“(…) Għaliex Ġesù seta’ jgħid: “Jien hu … l-ħajja”? Għax Hu mhux bħalna. Aħna nirċievu l-ħajja minn oħrajn, imma Ġesù għandu l-ħajja fih innifsu. Hu Alla, hu minn dejjem fil-Missier u l-Missier fiH. U l-ħajja tiegħu mhix bħal tagħna, ħajja bijoloġika li tixjieħ u tintemm, il-ħajja tiegħu ma nħakmitx mid-destin tal-mewt li ma taħfirha lil ħadd. Hi dejjem ħajja, hi ħajja eterna.
U għax Ġesù għandu l-ħajja, għax hu ħajja, Hu jista’ jagħtiha lilna wkoll, jista’ jaqsam magħna dik l-istess ħajja li ma tispiċċa qatt, anki meta l-ġisem tagħna jmut.
Il-bniedem, li min-natura tiegħu stess jixtieq xi ħaġa li hi aqwa minnu – għax hu maħluq xbieha t’Alla u għalhekk imsejjaħ biex ikun f’rabta miegħu – isib il-milja tiegħu f’din il-ħajja li jagħtih Ġesù; iħoss il-ferħ sħiħ u jagħraf għalfejn ġie maħluq.
Il-ħajja li Ġesù jagħti lin-Nisrani mhijiex biss rigal għall-ġejjieni, għad-dinja l-oħra, imma hi rigal ukoll għall-preżent. Minn issa stess, permezz tagħha, fin-Nisrani hemm xi ħaġa li ma tmutx.
In-Nisrani jista’ jaċċetta din il-ħajja permezz tal-fidi, li tfisser ir-rabta sħiħa tiegħu nnifsu ma’ Kristu. Ġesù qal: “Min jemmen fl-Iben għandu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,36).
Illum, il-bniedem donnu jixtieq jemmen li l-ġid materjali, il-konsumiżmu, il-materjaliżmu bla Alla, il-kultura u x-xjenza huma biżżejjed biex jissodisfaw il-bżonnijiet tiegħu. Iżda mhux hekk, u dan narawh u nġarrbuh kuljum. Għalhekk jeħtieġ li qabel xejn inkunu sinċieri magħna nfusna u mal-oħrajn u nagħrfu li jeħtieġ xi ħaġa aqwa biex timla lil qlubna.
Jeħtieġ li nkabbru fina din il-ħajja billi nemmnu fi Kristu b’qalbna kollha u nagħżluH bħala l-ideal u l-mexxej fil-mixja tagħna fid-dinja. Din il-ħajja tikber fina wkoll billi ngħixu b’imħabba kbira l-kliem tiegħu; noħduhom waħda waħda, biex dan il-kliem jurina dak li għandna nagħmlu fil-ħajja tagħna. U mbagħad hemm bżonn li nsaħħu din il-ħajja li Ġesù qed joffrilna permezz tal-Ewkaristija.
Hekk aħna stess nindunaw li l-ħajja li jagħtina Ġesù hi l-unika ħaġa li tagħti tifsira vera lil ħajjitna u twieġeb kull darba li aħna nistaqsu “għaliex” fil-ħajja tagħna.
Chiara Lubich
( Traduzzjoni – silta mill-Kelma tal-Ħajja Jannar 1983 – Parola di Vita P. 253- 255)
Be the first to comment