Ċelebrazzjonijiet ċentinarji tat-twelid ta’ Chiara Lubich: ftuħ tal-esibizzjoni fi Trento

“Chiara Lubich belt dinja” – dan hu t-titlu tal-esibizzjoni li ġiet inawgurata fis-7 ta’ Diċembru fil-Gallerija ta’ Trento, ġrajja li tat bidu għas-sena li fiha qed ikun imfakkar għeluq il-mitt sena mit-twelid ta’ Chiara Lubich, il-fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari. L-esbizzjoni li qed issir taħt il-patriċinju tal-President tar-Republika Taljana u li ġiet organizzata mill-Fundazzjoni tal-Mużew Storiku tat-Trentino bil-kollaborazzjoni taċ-Ċentru Chiara Lubich, toffri vjaġġ interattiv li jgħin lil dawk li jżuruha biex jiltaqgħu ma’ Chiara u mal-valuri li xerdet matul ħajjitha. L-esibizzjoni ser tibqa’ miftuħa matul is-sena kollha sas-7 ta’ Diċembru 2020.

Giuseppe Ferrandi, id-Direttur tal-Fundazzjoni tal-Mużew Storiku introduċa d-diskorsi li saru waqt din l-inawgurazzjoni u li fihom ħarġet il-fiġura ta’ Chiara, personalita’ miftuħa, b’għeruq imħawla sew fl-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tat-Trentino u mogħnija b’kariżma li wasslitha biex titkellem b’lingwa universali li tippromwovi l-messaġġ ta’ paċi u fraternita’.

Waqt din iċ-ċelebrazzjoni, Maria Voce, il-President tal-Moviment tal-Fokolari ġiet mogħtija “l-Midalja ta’ San Winċislaw”. Dan il-ġieħ ġie mogħti lilha mill-Provinċja ta’ Trento għall-ħidma tagħha favur l-għaqda u l-paċi. Il-President tal-Fokolari qalet: “Inħossni grata u kommossa. Dan ir-rikonoxximent jisħaq fuq il-valuri ta’ Chiara u l-Moviment tal-Fokolari, allura hu ġieħ mogħti lill-Moviment kollu”. Giorgio Postal, il-President tal-Fundazzjoni tal-Mużew Storiku Trentin qal: “Meta naħseb fuq Chiara Lubich jiġu f’moħħi żewġ kelmiet: kariżma u profezija”. U kompla: “……meta niġu biex inpoġġu lil Chiara Lubich fl-istorja, insibu triq biex naffrontaw l-isfidi li niltaqgħu magħhom kemm fis-soċjeta’ kif ukoll fil-ħajja personali tagħna”. Maurizio Fugatti, il-President tal-Provinċja ta’ Trento qal: “Inħossuna kburin li nagħmlu parti minn dan il-vjaġġ, li jagħtina l-opportunita’ biex insiru nafu aktar fil-fond lil Chiara u l-messaġġ ta’ din il-mara eċċezzjonali minn Trento, li rnexxilha twassal il-messaġġ ta’ paċi u għaqda fid-dinja kollha”.

Fid-diskors tiegħu, Mons. Lauro Tisi, l-Arċisqof ta’ Trento stieden lil kulħadd, l-aktar lill-membri tal-Moviment, biex ikomplu jwasslu l-messaġġ ta’ Chiara li Alla hu mħabba. Qal li minn din “il-viżjoni ta’ Alla toħroġ viżjoni pożittiva tal-ħolqien, tan-natura, tal-bniedem…” . L-istedina tiegħu malajr wieġeb għaliha Jesús Morán, il-Ko-president tal-Moviment tal-Fokolari, li fakkar li l-motto tas-sena ċentinarja hu “Niċċelebraw biex niltaqgħu” ma’ Chiara Lubich, il-mara li għexet l-unita’ u d-djalogu b’mod sħiħ filwaqt li ndikat rotta għat-tielet millennju.

Saru diskorsi anki Alessandro Andreatta, Sindku ta’ Trento u minn Lorenzo Dellai, ex-Sindku u mis-Senatur Stanislao Di Piazza, sotto-segretarju tal-Istat fil-Ministeru tax-Xogħol u Servizzi Soċjali li wassal il-messaġġ f’isem il-Gvern Taljan. Dan tal-aħħar semma’ l-ħidma ta’ Chiara biex tippromwovi l-valur tal-fraternita’ fil-qasam tal-politika.

Ingħataw messaġġi anki minn rappreżentanti ta’ esibizzjonijiet simili li matul din is-sena ser jitellgħu fi New York, Mexico, Sydney, Mumbai, San Paolo, Ġerusalemm, Alġerija u Nairobi. Għalkemm dawn l-esibizzjonijiet ser ikunu fuq l-istess stil ta’ Trento, iżda ser ikollhom l-aspett partikulari tagħhom; per eżempju dik ta’ San Paolo ser ikollha l-aspett tal-Ekonomija ta’ Komunjoni filwaqt li dik f’Ġerusalemm ser ikollha l-aspett partikulari tal-paċi u l-għaqda.

Fost dawk preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll għadd sabiħ ta’ qraba ta’ Chiara Lubich.

Anna Lisa Innocenti

Sors: https://www.focolare.org/en/news/2019/12/08/centenary-chiara-lubich-city-world-exhibition-inaugurated/

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.