“Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi” (At 1, 8).
L-Atti tal-Appostli, ktieb miktub mill-evanġelista San Luqa, jibda bil-wegħda li Ġesù Rxoxt għamel lill-appostli ftit tal-ħin qabel ma ħalliehom biex imur lura għand il-Missier: huma kellhom jirċievu mingħand Alla stess il-qawwa meħtieġa biex iwasslu l-aħbar u jibnu s-Saltna Tiegħu fl-istorja tal-bniedem.
Dan ma jfissirx li kien se jispirahom iwettqu xi “kolp ta’ stat”, jew iwaffqu xi setgħa politika jew soċjali, imma li l-Ispirtu t’Alla kien se jaġixxi fihom jekk huma jilqgħuh, u b’hekk jagħmilhom “bnedmin ġodda”.
Ftit taż-żmien wara l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli waqt li kienu miġburin ilkoll ma’ Marija. Imbagħad huma telqu mill-belt qaddisa ta’ Ġerusalemm biex iwasslu l-messaġġ ta’ Ġesù sa “trufijiet l-art kollha”.
“Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi”.
L-appostli, flimkien mad-dixxipli kollha ta’ Ġesù, intbagħtu bħala “xhieda”.
Tant hu hekk li permezz ta’ Ġesù kull nisrani jiskopri xi jfisser tkun bin Alla, jiskopri wkoll li huwa mibgħut. Il-vokazzjoni u l-identità tagħna ta’ wlied jitwettqu fil-missjoni li nagħmlu meta nersqu lejn l-oħrajn u nqisuhom bħala ħutna. Aħna lkoll imsejħin inkunu appostli li nagħtu x-xhieda tagħna kemm b’ħajjitna kif ukoll bi kliemna.
Aħna nkunu xhieda meta nfasslu ħajjitna fuq dik ta’ Ġesù. Jiġifieri meta kuljum, fil-familja tagħna, fuq il-post tax-xogħol, waqt l-istudju u l-mistrieħ, nersqu qrib dawk li niltaqgħu magħhom, nilqgħuhom u naqsmu ħajjitna magħhom. Dan nagħmluh billi nżommu f’qalbna l-pjan kbir ta’ Alla l-Missier: li l-bnedmin kollha jkunu lkoll aħwa ta’ xulxin.
Marylene u Silvio għandhom dan x’jirrakkuntawlna: “Meta żżewwiġna, aħna ridna nibnu familja lesta li tilqa’ lill-oħrajn. Waħda mill-ewwel esperjenzi tagħna għamilnieha ftit ta’ żmien qabel il-Milied. Ma xtaqniex nagħtu l-awguri tagħna lill-ġirien bil-ġirja aħna u ħerġin mill-Knisja, għalhekk ħsibna li jkun aħjar li mmorru għandhom id-dar u neħdulhom rigal żgħir. Huma ma kinux qed jistennew din iż-żjara tagħna u tant kienu ferħanin, speċjalment huma li kienu ħafna dawk li kienu jiskartawhom. Huma fetħu qalbhom magħna, kellmuna fuq id-diffikultajiet li kienu għaddejjin minnhom u qalulna li għal ħafna snin ħadd ma kien imur iżurhom. Domna għandhom xi sagħtejn u tant konna kommossi meta rajna l-ferħ ta’ dawk in-nies. Bl-isforz li bdejna nagħmlu biex inkunu miftuħin għal kulħadd, ftit ftit sirna nafu mill-qrib lil ħafna nies. Mhux dejjem kienet ħaġa faċli, għax xi drabi kien jiġi xi ħadd għandna bla ma nkunu nistennewh u kien ikollna nibdlu l-programmi tagħna. Imma dejjem żammejna f’moħħna li ma stajniex nitilfu dawn l-okkażjonijiet jekk ridna nibnu rabtiet ta’ aħwa mal-oħrajn. Darba waħda qlajna kejk u ħsibna li naqsmuh ma’ waħda mara li kienet għenitna nsibu xi ġugarelli biex nibagħtuhom il-Brażil. Kemm kienet kuntenta! Għalina din kienet okkażjoni biex insiru nafu `l-familja tagħha. Aħna u ħerġin qaltilna: kemm nixtieq li kelli l-kuraġġ li għandkom intom u mmur inżur lill-oħrajn!”
“Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi”.
Aħna l-Insara, ilkoll kemm aħna rċevejna d-don tal-Ispirtu s-Santu fil-Magħmudija. Hu jkellimna fil-kuxjenza tagħna jekk aħna sinċerament infittxu l-ġid u s-sewwa. Għalhekk tajjeb li lkoll nagħmlu wisa’ għall-Ispirtu t’Alla u nħalluh imexxina.
X’irridu nagħmlu biex nagħrfuh u nisimgħuh?
Dan il-ħsieb ta’ Chiara Lubich jista’ jgħinna: “[…] L-Ispirtu s-Santu jgħammar fina u aħna nsiru tempju Tiegħu, Hu jdawwalna u jurina minn fejn irridu ngħaddu. Hu l-Ispirtu tal-verità li bih nifhmu l-kliem ta’ Ġesù, jagħmlu kliem ħaj għalina u jgħodd għal kull żmien. Hu jħeġġiġna nħobbu l-Għerf, idawlilna moħħna fuq x’għandna ngħidu u kif għandna ngħiduh. Hu l-Ispirtu tal-Imħabba li jħeġġiġna bl-istess imħabba Tiegħu. Jagħtina l-ħila nħobbu `l Alla b’qalbna, b’ruħna u bil-qawwa kollha tagħna u li nħobbu `l dawk li niltaqgħu magħhom fil-mixja tagħna. Hu l-Ispirtu tal-qawwa li jagħmlilna l-qalb u jagħtina l-ħila biex ngħixu skont ma jgħidilna l-Vanġelu u nkunu dejjem xhieda tas-sewwa. […] B’din l-imħabba t’Alla f’qalbna, u permezz tagħha, nistgħu naslu `l bogħod, u naqsmu ma’ ħafna nies oħra din l-iskoperta kbira li għamilna aħna stess: […] “trufijiet l-Art” mhumiex biss dawk ġeografiċi. Dawn juruna wkoll nies li jgħixu qrib tagħna u li għadhom ma ġarrbux il-ferħ tal-Vanġelu. Ix-xhieda tagħna trid tasal għand dawn ukoll. […] L-imħabba tagħna għal Ġesù titlob li nkunu lesti ninsew għal kollox lilna nfusna ħalli nkunu nistgħu “insiru ħaġa waħda” ma’ kull persuna, li milquta mill-imħabba t’Alla fina, hi wkoll tkun trid “issir ħaġa waħda magħna”, u nkunu nistgħu naqsmu flimkien għajnuna, idejali, proġetti u sentimenti. Meta nagħmlu hekk inkunu nistgħu nagħtu xhieda bi kliemna u hekk dak li ngħidu jkun rigal tal-imħabba tagħna lejn xulxin”. 1
Letizia Magri
1: C. Lubich, Kelma tal-Ħajja ta’ Ġunju 2003, fil-ktieb: Parole di Vita, imfassal minn Fabio Ciardi (Opere di Chiara Lubich 5, Città Nuova, Ruma 2017), pp. 691-692.
Be the first to comment