Kelma tal-Ħajja – settembru 2018

Il-Kelma ta’ dan ix-xahar hi meħuda minn kitba ta’ San Ġakbu, li kien bniedem importanti ħafna fil-Knisja ta’ Ġerusalemm. Hu kien iħeġġeġ lill-insara biex l-imġiba tagħhom tkun taqbel ma’ twemminhom.

Fil-bidu ta’ din l-ittra jisħaq fuq kundizzjoni essenzjali: li ninħelsu minn kull ħażen biex nilqgħu l-Kelma t’Alla u nħalluha tmexxina fit-triq lejn il-milja tas-sejħa tagħna ta’ nsara.

Il-Kelma t’Alla hi qawwija fiha nfisha: hi kelma li toħloq, tagħmel il-ġid f’kull persuna u fil-komunità, u tibni rabtiet ta’ mħabba bejnietna lkoll, m’Alla u malbnedmin.

San Ġakbu jgħid li din il-Kelma diġà “tħawlet” fina.

“ILQGĦU BIL-ĦLEWWA L-KELMA MĦAWLA FIKOM, LI TISTA’ SSALVALKOM RUĦKOM”.

Kif? Żgur li sa mill-ħolqien, Alla lissen Kelma ċara ħafna: il-bniedem hu “xbieha” tiegħu. Fil-fatt kull bniedem jista’ jidħol f’rabta m’Alla u hu msejjaħ biex jieħu sehem mill-ħajja ta’ mħabba u komunjoni li hemm f’Alla.

Imma, hu s-sagrament tal-magħmudija li jpoġġi lilna l-insara fi Kristu: il-Kelma t’Alla li daħlet fil-ġrajja tagħna l-bnedmin.

Alla poġġa f’kull bniedem iż-żerriegħa tal-Kelma tiegħu, li ssejjaħlu għat-tajjeb, għall-ġustizzja, għall-għotja tiegħu nnifsu u għall-komunjoni. Il-bniedem milqugħ u mrobbi b’imħabba fl-għalqa fejn jitrabba, ikollu l-ħila jipproduċi ħajja u frott.

“ILQGĦU BIL-ĦLEWWA L-KELMA MĦAWLA FIKOM, LI TISTA’ SSALVALKOM RUĦKOM”.

Alla jkellimna b’mod ċar ħafna fil-Bibbja, l-aktar fl-erba’ kotba tal-Vanġelu. Jeħtieġ nilqgħu l-Kelma tiegħu aħna u naqrawha b’imħabba fil-Kotba Mqaddsa, u meta ngħixuha nkunu nistgħu naraw kemm tħalli frott.

Inkunu nistgħu nisimgħu `l Alla jkellimna fil-fond ta’ qalbna, fejn sikwit nindunaw li hemm ħafna “ilħna” u ħafna “kliem” ieħor li jpoġġi quddiemna proposti u għażliet, mudelli ta’ ħajja, kif ukoll inkwiet u biżgħat… Imma kif nistgħu nagħrfu l-Kelma t’Alla u nħalluha tgħix fina?

Jeħtiġilna nbattlu qalbna u nkunu lesti nilqgħu l-istedina t’Alla, biex hekk nisimgħu leħnu b’mod ħieles u mimli kuraġġ. Ħafna drabi leħnu hu sottili u prudenti u ma jagħmilx ħafna ħoss.

Kelmtu titlobna noħorġu barra minna nfusna biex inkunu nistgħu niddjalogaw u niltaqgħu Miegħu u mal-oħrajn, u tistedinna nagħtu sehemna biex l-umanità tkun isbaħ, u biex nagħrfu li aħna lkoll aħwa ta’ xulxin.

“ILQGĦU BIL-ĦLEWWA L-KELMA MĦAWLA FIKOM, LI TISTA’ SSALVALKOM RUĦKOM”.

Il-Kelma t’Alla tista’ tibdel il-ħajja tagħna ta’ kuljum u tagħmilha storja ta’ ħelsien mid-dlamijiet tal-ħażen fina u fis-soċjetà, iżda tistenna li aħna wkoll nagħtu s-sehem personali tagħna jekk dan hu dgħajjef u mimli nuqqasijiet.

Imbagħad, is-sentimenti u l-ħsibijiet tagħna jkunu dejjem aktar jixbhu `l dawk ta’ Ġesù,  il-fidi u t-tama tagħna fl-Imħabba t’Alla jissaħħu, filwaqt li għajnejna u jdejna jinfetħu dejjem aktar għall-ħtiġiet ta’ ħutna l-bnedmin.

Hekk qaltilna nagħmlu Chiara Lubich fl-1992: “F’Ġesù naraw għaqda sħiħa bejn l-imħabba li Hu kellu għall-Missier u l-imħabba għal ħutu l-bnedmin. Dak li kien jgħid kien jaqbel perfettament ma’ dak li kien jagħmel, u din il-ħaġa kienet issaħħar u tiġbed `il kulħadd lejH. Hekk ukoll irridu nagħmlu aħna. Irridu nilqgħu l-kelma ta’ Ġesù bis-sempliċità tat-tfal iż-żgħar u ngħixuha bis-safa, bid-dawl u l-qawwa kollha li toħroġ minnha. B’hekk inkunu dixxipli kif iridna nkunu Hu, dixxipli li jixbhu `l-imgħallem tagħhom: bħal Ġesù ieħor imxerrdin mad-dinja kollha. U tista’ teżisti għalina xi avventura isbaħ u akbar minn din?” 1.

Letizia Magri

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.