Tgħid x’ser iġib miegħu dan il-Milied tal-pandemija? Hekk staqsejt lili nnifsi aktar ma beda riesaq il-Milied.
Ngħix waħdi, iżda ibni kien deċiż li ma ngħaddix il-Milied waħdi u stedinni biex immur għall-ikla d-dar tiegħu. Iżda r-raġel min Niġerja li jgħix fl-appartament ta’ taħti kien ser ikun waħdu. Xi stajt nagħmel għal dan ir-raġel li sar qisu parti mill-familja tiegħi? Ħsibt li għall-Milied inlestilu ikla tajba u hekk għamilt. U qabel tlaqt biex immur għand ibni ħadtlu l-ikla kompluta li kont hejjejt għalih.
Ngħid is-sew li meta sirt naf li għall-ikla għand ibni minbarra wliedu, kien ser ikun hemm ukoll l-ex mara tiegħu u l-partner tagħha u ħabiba ta’ waħda minn uliedu, ma tantx kont ħerqana li mmur minħabba diversi raġunijiet. Iżda meta ibni qalli li għamel l-arranġamenti meħtieġa biex kulħadd ikun safe, għamilt id-deċiżjoni li mmur.
Waqt l-ikel, sibt ruħi maġenb il-partner tal-ex mara ta’ ibni; għamilt ħilti kollha biex dan iħossu komdu u tkellimt miegħu fuq diversi suġġetti. Wara l-ikel riedu jmorru jagħtu r-rigali lil xi membri oħra tal-familja, għalhekk offrejt li nibqa’ hemm u nieħu ħsieb niżbarazza u nnaddaf. Baqgħet miegħi l-ħabiba tan-neputija, li sirt naf li kienet orfni, u waqt li ħsilna d-dixxijiet flimkien, tkellimna fuq bosta affarijiet. Meta ġew lura u ħadna t-te flimkien, stajt nieħu gost narahom japprezzaw il- ħelu tal-Milied li kont lestejt għalihom.
Fl-aħħar ta’ din il-ġurnata stajt nwieġeb x’ġab miegħu l-Milied 2020: opportunitajiet biex inħobb tassew u nħoss dak il-ferħ li tassew jimla lil qalbek.
M.A. (Malta)
“Ilum nista’ ngħid li għandi ħabiba”
Għodwa waħda nirċievi messaġġ: persuna li toqgħod qrib tiegħi bagħtet tawgurali l-ġurnata t-tajba. Ma tantx kont midħla tagħha lil din il-persuna, iżda mill-ewwel weġibt għall-messaġġ tagħha.
Bdejt nirċievi dan il-messaġġ kuljum u ndunajt li għalkemm din il-persuna għandha familja numeruża, iżda hi kienet qed tħoss id-dieqa tas-solitudni. Xtaqt li fit-tweġibiet tiegħi għall-messaġġi tagħha, hi setgħet tħoss li mhijiex waħidha u li hemm xi ħadd li jimpurtah minnha. Xi drabi kont nibgħat messaġġ bil-vuċi u anki kont infittex li ngħaddilha xi ħsieb li seta’ jgħinha.
Iż-żmien tal-pandemija ġabni qrib din il-mara u bil-mod il-mod qed tinbet rabta sabiħa bejnietna. Meta niltaqa’ ma’ bintha dejjem tgħidli kemm ommha tapprezzaha u tgħożżha din ir-rabta. F’dawn il-ġranet tal-Milied ċempiltilha, u fħin minnhom bdiet tibki. Meta staqsejtha għalfejn qed tibki, qaltli: “Fik sibt persuna ta’ veru u llum nista’ ngħid li għandi ħabiba”.
C.B. (Malta)
Beautiful, concrete actions of people who Dare to Care.