“(…) Xi darba s-soċjetà kienet mibnija fuq sisien tassew insara u kienet tagħraf sew it-tajjeb mill-ħażin. Illum l-affarijiet huma xort’oħra: f’isem il-libertà, li mhi libertà vera xejn, it-tajjeb u l-ħażin, tħares il-liġi t’Alla jew ma tħarishiex qed jitpoġġew fuq l-istess pjan. Ninsabu f’deżert ġdid, fejn dak li qed jinqered mhumiex id-djar, il-knejjes, il-palazzi, imma l-liġijiet morali u bħala konsegwenza l-kuxjenzi.
U allura x’ser nagħmlu? M’għandniex armi biex nagħmlu l-ġlieda tagħna ħalli nwasslu l-maħfra u l-imħabba ta’ Kristu lill-bnedmin meta dawn ftit li xejn jagħtu kas tad-dnub?
Le, m’aħniex mingħajr armi.
Għalina, din id-dinja ddekonsagrata għandha wiċċ: dak ta’ Ġesù abbandunat, li fih is-sagru u d-divin inħeba kollu. Fih, Alla li ħassu abbandunat minn Alla, naraw kull sitwazzjoni negattiva. Huwa f’ismu u għal imħabbtu li nsibu l-forza biex inħobbu dak li llum ma tantx hu ta’ min iħobbu.
Bil-fjamma mkebbsa f’qalbna, nagħmlu bħal Alla tagħna li dejjem jieħu Hu l-inizjattiva, u nersqu qrib dawk li niltaqgħu magħhom. U Alla fina jqajjem u jdawwal il-kuxjenzi, iqanqal l-indiema, jagħti mill-ġdid it-tama, ikebbes l-entużjażmu, iva, jpoġġi fil-qlub ta’ ħafna x-xewqa li jibdew jgħixu mill-ġdid ma’ Kristu, li jgħixu lil Kristu.
Mela, dawn huma t-tliet proponimenti: inżommu n-nar jaqbad fi qlubna, inkunu aħna l-ewwel li nħobbu, u nħobbu b’mod sħiħ bla ebda limitu; dan ifisser li nħobbu b’mod li nwasslu lil kulħadd biex jgħix l-Ideal tagħna, li hu li jgħix lil Kristu. (…)
Nagħlaq billi b’ħerqa nawgura lil kulħadd sena ġdida qaddisa, mimlija grazzji . Din hi r-raba’ sena tal-Vjaġġ Qaddis tagħna”.
Chiara Lubich
(Kollegament CH, 3 ta’ Jannar 1985)
Be the first to comment