Fis-7 ta’ Diċembru, Papa Franġisku ser jilqa’ f’udjenza lil Margaret Karram, President tal-Moviment tal-Fokolari u lil dawk responsabbili tal-Moviment fid-dinja kollha. Dakinhar fis-6-00pm ser issir ċelebrazzjoni Ewkaristika fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore li ser tkun immexxija mill-Eċċellenza tiegħu, il-Kardinal Kevin Joseph Farrell, Prefett tad-Dikasteru għal Lajċi, Familja u Ħajja.
Is-7 ta’ Diċembru 1943 hi meqjusa bħala d-data uffiċjali tat-twelid tal-Moviment tal-Fokolari. Kien f’din il-ġurnata meta Chiara Lubich ikkonsagrat ruħha lil Alla għal dejjem. 80 sena ilu, waqt li t-tieni gwerra dinjija kienet fl-aqwa tagħha, twieldet komunita’ żgħira li riedet tagħti s-sehem tagħha biex mill-ġdid issaltan il-paċi u l-għaqda fid-dinja. Din il-komunita’ malajr bdiet tinfirex, u twieldet waħda mill-Kariżmi Ġodda fil-Knisja. L-Ispiritwalita’ tal-Moviment tal-Fokolari hi mibnija fuq l-Evanġelju, u fil-qalba tagħha nsibu b’mod partikulari t-talba ta’ Ġesu’: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21).
Illum il-Moviment jinsab f’182 nazzjoni, sinjal tal-universalita’ u tal-ħtieġa kbira għall-għaqda u għall-fraternita’ fiż-żmenijiet traġiċi u ta’ firda li qed ngħixu fihom. Iħaddan fih Insara minn Knejjes differenti, nies ta’ bosta reliġjonijiet u oħrajn li m’għandhom ebda twemmin reliġjuż.
Fis 7 ta’ Diċembru, Papa Franġisku ser jilqa’ f’udjenza lil Margaret Karram, President tal-Moviment tal-Fokolari, lil Jesús Morán, Ko-President u lil dawk il-membri li huma responsabbli fiċ-Ċentru u fiż-żoni. Il-President qalet: “Tassew hu rigal kbir għalina li l-Papa ser jilqagħna għandu nhar il-Ħamis 7 ta’ Diċembru 2023, propju fil-ġurnata li fiha nfakkru dik l-ewwel ‘iva’ li Chiara Lubich qalet lil Alla. Dan hu rigal li ma konniex qed nistennewh!
Nixtiequ li nwasslu lill-Papa l-imħabba u l-għożża ta’ eluf ta’ nies mid-dinja kollha li jgħixu l-kariżma tal-unita’. U nġeddu l-impenn tagħna ta’ servizz fil-Knisja f’dan il-vjaġġ sinodali, flimkien ma’ ħafna oħrajn li jridu jagħtu s-sehem tagħhom għall-paċi u għall-imħabba biex jonqos il-piż ta’ tant ġrieħi li qed itaqqlu lill-bnedmin.”
F’dik l-istess ġurnata, fis- 6 .00 p m. ser issir Quddiesa ta’ radd il-hajr għat-80 sena tal-ħajja tal-Moviment. Ser issir fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore u ser tkun immexxija mill-Kardinal Kevin Joseph Farrell, Prefett għad-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja. Ser jieħdu sehem bosta kardinali, isqfijiet u saċerdoti oħra.
Margaret Karram żiedet tgħid: ”F’din il-ġurnata jintemm il-pellegrinaġġ li qed nagħmlu f’diversi postijiet sagri u sinifikattivi, f’Assisi, Loreto u Ruma biex nroddu ħajr, nitolbu maħfra u nibdew mill-ġdid b’kuraġġ u tama.
Il-komunitajiet tal-Fokolari mifruxa mad-dinja kollha jixtiequ jgħixu dan l-anniversarju bl-istess spirtu u bl-istess skop, biex hekk ikunu “xhieda ta’ dik l-imħabba tal-aħwa li tfittex li tkun qrib ta’ kulħadd, tegħleb il-firdiet u tasal f’ kull sitwazzjoni umana.” (1)
Stefania Tanesini
(1) Papa Franġisku lill-Assemblea Ġenerali tal-Moviment tal-Fokolari, 6 ta’ Frar 2021
Sors: Sit internazzjonali tal-Moviment tal-Fokolari
Traduzzjoni: Vivienne Attard
Be the first to comment