Affarijiet żgħar fil-ħajja ta’ kuljum
Għandi ħanut li jlaqqagħni ma’ bosta nies, u dan għalija jfisser opportunita’ biex bl-affarijiet żgħar fil-ħajja ta’ kuljum inkunu nista’ nagħti s-sehem tiegħi ħalli tinbena dik ix-xi ħaġa li tagħmilna tassew aħwa ta’ xulxin.
Ftit ilu, per eżempju, fetaħ ħanut ġdid qrib il-ħanut tiegħi; ħassejt li kelli mmur insellem lis-sid ta’ dan il-ħanut u noffrilu l-id tal-ħbiberija. Mhux l-ewwel darba, li niltaqa’ ma’ xi ħadd li jkollu bżonn ta’ xi lift bil-karrozza, nagħmel ħilti biex inwarrab il-pjanijiet li jkolli ħalli ngħin lil dik il-persuna mill-aħjar li nista’. Sirt naf kemm persuna kienet qed tkun imweġġa’ minħabba l-kritika li kienet qed issirilha; meta ltqajt magħha wara li sirt naf b’din il-ħaġa, ħassejt li għandi nuriha l-kwalitajiet sbieħ li hemm fiha.
Mara li tilfet lil binha xi sena ilu qasmet miegħi n-niket tagħha: qaltli li ma kenitx preżenti għall-funeral u li tant xtaqet iżżur il-qabar tiegħu. Iddeċidejt li nixtri ftit fjuri u mmur magħha ċ-ċimiterju. Wara, stajt nara kemm din il-mara kienet aktar mistrieħa.
Huma tassew affarijiet żgħar, iżda aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar ninduna li dawn mhux biss ikabbbru r-rabta tiegħi mal-oħrajn, iżda anki jsaħħu r-rabta tiegħi ma’ Alla.
J.F. (Malta)
“Baby Shower” speċjali
Nagħmlu xogħol volontarju ma’ nisa vulnerabli u sirna nafu li waħda minnhom kienet qed tistenna tarbija. Din il-mara għandha storja ta’ ħafna uġigħ il-qalb, u xtaqna nuruha li mhijiex waħidha f’din it-tqala. Iddeċidejna li nagħmlulha “baby shower”. Id-deċiżjoni wasslet għal tellieqa kbira ta’ mħabba li fiha daħlu wkoll xi ħbieb tagħna: kien hemm min ħa ħsieb il-kejk, xi ħaddieħor ħa ħsieb l-ikel u waslet ukoll abbundanza ta’ rigal.
Waqt dan il-festin ċkejken din il-mara sabet l-okkażjoni li titkellem magħna bl-aktar mod miftuħ dwar il-ħajja li tgħix u dak li qasmet magħna kompla jsaħħaħna fil-fehma li aħna għandna dmir wieħed: li nħobbu bla ma niġġudikaw.
Wara dan il-festin waħda minna qalet: “Tgħallimt lezzjoni mill-aktar prezzjuża: issa li sirt naf is-sitwazzjoni li jsibu ruħhom fiha dawn in-nies, inħoss il-bżonn li nifhem aktar id-diffikultajiet tagħhom u nħobbhom sal-aħħar”.
A.V. (Malta)
Bellissimo. Grazzi.